Għal sena oħra il-konkors se jonora sportivi maqsuma fi ħdax-il kategorija differenti li, seba’ minnhom se jiġu vvutati live waqt is-serata finali mill-ġurnalisti sportivi lokali li qed jirrappreżentaw media houses differenti.

Għall-edizzjoni ta’ din is-sena ġew ikkonfermati l-awards tradizzjonali; dawk ta’ sportiv, sportiva, żagħżugħ, żagħżugħa, tim, kowċ u uffiċjal tas-sena, bis-soliti rikonoxximenti jmorru għand l-atleti ta’ Special Olympics Malta u l-avveniment tas-sena. Magħhom il-People’s Choice Award li jintagħżel b’votazzjoni onlajn.

Il-finalisti ġew magħżula b’votazzjoni li saret mill-ġurnalisti sportivi membri fl-Għaqda Ġurnalisti Sports. Waqt l-attività ġew ipprezentati wkoll ċertifikati ta’ parteċipazzjoni lis-semi-finalisti kollha ta’ SportMalta Awards Għazliet Sportivi Nazzjonali ta’ din is-sena.

Fl-istess serata wkoll ġie ffirmat grant agreement bejn SportMalta u l-Għaqda Ġurnalisti Sports, sabiex l-iSportMalta Awards jibqa’ jiġi organizzat b’mod konġunt għat-tliet snin li ġejjin.

SportMalta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali għandhom storja ta’ ’l fuq minn 57 sena fejn dawn l-għażliet żviluppaw minn sena għal sena. Sa mill-ewwel edizzjoni, li rat lil Wilfred Pirotta fl-1960 jirbaħ l-unur tal-Isportiv tas-Sena, sal-lum fejn dan l-avveniment kiber fil-popolarità tiegħu kemm bil-parteċipazzjoni tal-Assoċjazzjonijiet u Federazzjonijiet, il-ġurnalisti tal-isport u anke l-pubbliku ġenerali.

SportMalta Awards – Għażliet Sportivi Nazzjonali jsiru nhar is-Sibt 17 ta’ Frar 2017 fis-Sala tal-Konferenzi ta’ Dar il-Mediterran il-Belt Valletta u s-serata se tixxandar diretta fuq TVM2 bit-trasmissjoni tibda fit-8.15pm.