EducationMEYRYouths

Jitnieda l-programm tas-sajf mill-Aġenzija Żgħażagħ

Tnieda l-programm tas-Sajf jimfassal minn Aġenzija Żgħażagħ, li joffri numru ta’ programmi li bil-għan li jħejju liż-żgħażagħ biex jiksbu ħiliet tal-ħajja ħalli jkollhom bażi tajba  u jkunu ppreparati għat-transizzjoni tant kruċjali f’ħajjithom mill-fażi taż-żgħożija għal dik t’adulti.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima ħeġġeġ biex issa li dalwaqt deħlin il-vakanzi tas-sajf, l-istudenti u ż-żgħażagħ, filwaqt li jgawdu, jagħmlu wkoll użu tajjeb minn dan il-perjodu. “Irridu li nħejju liż-żgħażagħ tagħna b’mod tajjeb f’dan il-mument kruċjali ta’ ħajjithom, għalhekk dan il-programm tas-sajf, biex permezz tal-programmi ofruti ngħamlulhom din il-fażi ta’ tranżizzjoni aktar faċli”, Il-Ministru Grima kompla jgħid, “Qed inħarsu lejn żgħażagħ li rridu nagħtuhom dak kollu li huwa possibbli biex inrawmuhom bħala ċittadini onesti u responsabbli u wkoll inrawmu fihom l-abbiltajiet li għandhom bżonn għall-futur tagħhom”.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti saħaq dwar l-importanza li ninvestu f’dan iż-żmien mill-fażi tal-età żgħażugħa, għall-età adulta li ġib magħha diversi sfidi iżda b’sapport adegwat u billi dawn iż-żgħażagħ jiġu preparati biex jiksbu ħiliet fundamentali fosthom kif jikkomunikaw, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-ħsieb kritiku, dawn jgħinu biex inaqsu l-isfidi li jħabbtu magħhom f’dawn iż-żminijiet. “ Nifhem l-importanza ta’ programmi bħalma nedejna llum b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Żgħażagħ u nħares li bħala Gvern nibqgħu ninvestu f’din il-popolazzjoni li tiddetermina l-futur tas-soċjetà tagħna”, kompla jżid is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma qalet li l-programm tas-sajf tal-Aġenzija Żgħżagħ joffri numru ta’ programmi interattivi li ż-żgħażagħ jistgħu jippartecipaw fihom kemm fil postijiet li għandha l-Aġenzija fl-Msida, St Venera, il-Kottonera u Ghawdex, inkella online.  “F’dawn il-programmi nużaw diversi metodi bħal fotografija, id-drama, il-mużika u anke numru ta’ riżorsi oħra biex ngħinu liż-żgħażagħ jiksbu numru ta’ ħiliet tal-ħajja li ma tiksibhomx mill-iskola.  Dawn il-ħiliet huma importanti biex it-tfal u ż-żgħażagħ jiksbu l-indipendenza, irabbu aktar kunfidenza u jgħollu s-self esteem” kompliet iżid Miriam Teuma.

Informazzjoni u dettalji tal-programmi u wkoll l-applikazzjoni jinsabu fuq is-sit youth.gov.mt.

Il-korsijiet f’dan il-programm huma:

My Next School AdventureProgramm għall-istudenti li spiċċaw s-sitt Sena u se jibdew l-iskola medja. Bih l-istudenti jiltaqgħu ma’ żgħażagħ oħra li jkunu għaddejjin mill-istess tranżizzjoni tal-iskola.

Secondary School Survival KitJgħammar lill-istudenti b’ħiliet essenzjali għal transizzjoni bla xkiel għall-aħħar tlett snin tal-iskola sekondarja.

Make HeadJagħti liż-żgħażagħ ħiliet għal transizzjoni b’suċċess mill-iskola sekondarja għall-post sekondarja u s-sezzjonijiet jindirizzaw diversi temi billi jiffokaw fuq l-attiviżmu, il-ħajja komunitarja u l-ħajja fl-iskola.

Act OnJużà d-drama bħala għodda biex jgħin liż-żgħażagħ jiksbu iktar kunfidenza fihom infushom.

Take Action through PhotosProgramm li permezz tiegħu ż-żgħażagħ jieħdu diversi ritratti biex iwasslu messaġġi dwar sitwazzjonijiet jew azzjonijiet differenti.

Sound onJagħti l-opportunità liż-żgħażagħ jesploraw u jidħlu fix-xandir tar-radju.

Swish!Huwa programm ta’ sport permezz tal-użu tas-siġġijiet tar-roti biex iħaddan l-idea tal-inklużjoni u jippromwovi l-valuri t’aċċettazzjoni billi ż-żgħażagħ jesperjenzaw r-realtajiet differenti li nsibu madwarna.