Il- MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, L-ISPORT, IŻ-ŻGĦAŻAGĦ, IR-RIĊERKA U L-INNOVAZZJONI bi pjaċir se jniedi sitt Skemi ta’ Boroż ta’ Studju fl-2022 b’investiment ta’ madwar tliet miljun ewro (€3,000,000).
Dawn huma:
Live the Language li hija skema ġdida li se tgħin biex nippromwovu b’mod attiv it-tagħlim tal-lingwi barranin għal żagħżagħ ta’ bejn l- 14 u t-30 sena. Permezz ta’ din l-opportunità tad-deheb, mijiet ta’ żgħażagħ se jkunu jistgħu jitgħallmu lingwa barranija waqt li jesperjenzaw il-kultura tal-pajjiż. Din l-iskema tgħin liż-żgħażagħ biex isegwu aktar livelli ta’ studju f’lingwi barranin kif ukoll itejbu l-kwalità u r-rilevanza tal-ħiliet lingwistiċi f’setturi ekonomiċi differenti tal-ekonomija Maltija.
L-Iskema ta’ Boroż ta’ Studju għal Studji Veterinarji li hija skema miftuħa għal- korsijiet li jwasslu għad-Dottorat fil-Mediċina Veterinarja (fil-Livell 7 tal-QMK- Qafas Malti għall-Kwalifiki) li s’issa mhumiex disponibbli lokalment. It-tnedija ta’ din l-iskema ġdida ta’ boroż ta’ studju se tippermetti lill-istudenti li jsegwu l-kors għad-Dottorat fil-qasam Veterinarju (fil-Level 7 tal-QMK) biex japplikaw u jingħataw pakkett finanzjarju aktar sodisfaċenti li jkopri t-tul tal-kors kollu sat-tlestija u fl-aħħar mill-aħħar jiggradwaw fil-Mediċina Veterinarja minn Istituzzjoni Rikonoxxuta u b’ċertifikazzjoni fil-livell 7 tal-Qafas Malti għall-Kwalifiki.
Barra minn hekk, qed jinħarġu mill-ġdid sejħiet għal Skemi ta’ Boroż ta’ Studju li kienu stabbiliti qabel, jiġifieri:
ENDEAVOUR II hija skema proposta mill fondi ewropej li qed tappoġġa edukazzjoni terzjarja (fil-Livell 7 tal-QMK- Qafas Malti għall-Kwalifiki) ta’ kwalità tajba u tassigura li s-suq tax-xogħol Malti jkollu fih l-aħjar individwi u tiggarantixxi li jkun f’pożizzjoni aħjar li jikkompeti fuq livell internazzjonali. L-iskema għandha l-għan li tappoġġa lil dawk li qed isegwu din it-triq biex jirnexxu kemm fil-kisba tal-edukazzjoni kif ukoll biex jikkontribwixxu b’mod effettiv lejn l-ekonomija.
L-edukazzjoni postuniversitarja tifforma parti dejjem aktar importanti mill-aġenda ekonomika u soċjali ta’ kull pajjiż. Hija tipprovdi element ewlieni għall-iżvilupp professjonali kontinwu ta’ ħafna nies.
TESS – Tertiary Education Scholarship Scheme li hija skema oħra miftuħa għal studenti postuniversitarji, fil-livell 7 tal-QMK u fil-livell 8 tal-QMK. L-iskema għandha l-għan li tipprovdi opportunitajiet ta’ finanzjament għall-istudenti sabiex ikunu jistgħu jsegwu programmi ta’ studju t’ edukazzjoni għolja u tinkoraġġixxi lill-istudenti jżidu l-livelli ta’ riċerka akkademika.
Il-Malta Arts Scholarships’ Scheme għandha l-għan li tipprovdi aktar opportunitajiet u appoġġ lil individwi li għandhom talenti eċċezzjonali fil-ħolqien u/jew il-promozzjoni ta’ professjonisti fl-Arti Espressiva, it-Teatru, il-Mużika, iż-Żfin, id-Disinn, il-Kitba Kreattiva, il-Film, l-Arti Viżiva jew kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom.
Permezz tal- iskema Malta Sports Scholarships Scheme, l-iSports se jkun qed jittieħed fil-livell professjonali u jippromwovi l-iżvilupp ta’ atleti bi prestazzjoni għolja li eventwalment se jirrappreżentaw lil Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Iż-żieda fl-istatus tal-isport f’Malta mhux biss twassal għal rikonoxximent internazzjonali usa’ b’benefiċċji ekonomiċi pożittivi għall-industrija tat-turiżmu iżda se tinkoraġġixxi wkoll l-prattika regolari tal-isport u l-attività fiżika madwar il-pajjiż li tirriżulta f’titjib ġenerali fis-saħħa u l-benesseru tal-popolazzjoni kollha.
L-applikazzjonijiet għall-iskemi kollha se jkunu miftuħa skont it-tabella t’hawn taħt;
Tista’ tapplika fuq is-sijt www.myscholarship.gov.mt .
Skemi | Ftuħ tal- applikazzjonijiet | Għeluq tal- applikazzjonijiet | Laqgħa t’informazzjoni |
Sports | 17 ta’ Ġunju | 15 ta’ Lulju | 27 ta’ Ġunju |
Endeavour II | 20 ta’ Ġunju | 15 ta’ Lulju | 28 ta’ Ġunju |
TESS | 20 ta’ Ġunju | 15 ta’ Lulju | 30 ta’ Ġunju |
VSSS | 27 ta’ Ġunju | 22 ta’ Lulju | 12 ta’ Lulju |
Arts | 1 ta’ Lulju | 3 t’Awissu | 19 ta’ Lulju |
LTL | Awissu/Settembru | Sakemm il- fondi jiġu eżawriti |
Applications for 6 Scholarship Schemes are open.
Scholarship Adverts 30x3 Jun22 3