“Aqra Kuljum, Kull Fejn Tkun!” huwa s-slowgan magħżul għall-edizzjoni tal-Qaritona Nazzjonali ta’ din is-sena, organizzata mill-Malta Trust Foundation flimkien mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu bis-sapport ta’ Malta Public Transport. It-tnedija uffiċjali ta’ din is-sitt edizzjoni tal-Qaritona saret il-Ġimgħa 3 ta’ Marzu 2023, fl-Iskola Primarja ta’ Santa Venera tal-Kulleġġ Santa Tereża. Waqt it-tnedija ġie żvelat il-mascot tal-Qaritona ‘Ben il-Ballottra’ – karattru li jħobb jaqra, avventuruż u moħħu jilħaqlu.
L-għan tal-Qaritona hu li nħeġġu lit-tfal jieħdu gost jaqraw iktar u fl-istess ħin inrawmu fihom sens ta’ solidarjetà permezz ta’ ġbir ta’ fondi għal tfal b’abiltajiet differenti. Permezz tal-fondi miġbura mill-Qaritona u l-kontribut finanzjarju ta’ diversi sponsors, qed jinxtara apparat speċjali għal tfal neqsin mid-dawl u tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu li ma jkunux jistgħu jikkomunikaw bit-taħdit. Dan l-apparat speċjali jgħin fl-iżvilupp edukattiv ta’ dawn it-tfal billi jgħinhom jikkomunikaw aħjar.
Biex niċċelebraw il-kollaborazzjoni mal-Malta Public Transport, studenti tas-sitt sena mill-Iskola Primarja ta’ Santa Venera tal-Kulleġġ Santa Tereża, ħadu sehem f’ċelebrazzjoni ta’ qari fuq ix-xarabank tal-Qaritona. It-tfal kellhom l-opportunità jiltaqgħu mal-Onor. Ministru Clifton Grima, l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca u l-Ambaxxaturi tal-Qari Carmel Busuttil, Saviour Darmanin, Taryn Mamo Cefai u Nicole Vella.
Din is-sena qegħdin inħeġġu lill-iskejjel kollha jorganizzaw ċelebrazzjoni ta’ qari jisimha ‘Erħi Kollox u Aqra!’(Drop Everything and Read!) waqt it-tielet term tas-sena skolastika. Fil-ġurnata tal-attività, magħżula mill-iskola, l-istudenti se jintalbu jġibu magħhom il-ktieb favorit jew dak li jkunu qegħdin jaqraw. L-iskola tista’ tħeġġeġ lill-istudenti jilbsu ta’ karattru għal qalbhom minn storja jew ktieb, u kull klassi torganizza attivitajiet marbuta mal-qari. Ben il-Ballotra, flimkien mal-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca, l-Onor. Ministru Grima u l-Ambaxxaturi tal-Qari, se jipparteċipaw waqt l-attivitajiet billi jżuru l-klassijiet, jaqraw lit-tfal u jaqsmu l-istejjer tagħhom.
Il-Malta Trust Foundation u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qegħdin jagħmlu appell lill-iskejjel kollha biex jipparteċipaw fis-sitt edizzjoni tal-Qaritona. Iktar dettalji fuq kif li-iskejjel jistgħu japplikaw għall-Qaritona qegħdin fiċ-ċirkulari DLAP 040/2023.




