L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu organizzat Xalati ta’ Kitba f’postijiet b’rabta mal-preistorja, l-istorja, u l-kultura Maltija: Ħaġar Qim, Għar Dalam u l-Kappella ta’ San Dimitri f’Għawdex. L-attivitajiet li saru f’Ħaġar Qim u f’Għar Dalam ġew organizzati b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta.
Aktar minn 50 tifel u tifla, akkumpanjati mill-ġenituri tagħhom, ħadu sehem f’dawn l-attivitajiet speċjali ta’ kitba. L-għan kien li jittejbu l-ħiliet tal-kitba tat-tfal permezz ta’ esperjenzi kreattivi li jorbtu l-kitba mal-ambjent storiku. Il-preżenza tal-ġenituri kienet ukoll opportunità biex jissieħbu fit-tagħlim, kemm fuq l-aspett tal-kitba kif ukoll fuq l-għarfien kulturali relatat mas-siti.
Bħala tifkira ta’ kull esperjenza, it-tfal irċevew ktieb, b’kollaborazzjoni mal-Merlin Library.