L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu torganizza l-klabbs tal-kitba li matulhom it-tfal, f’xi ċirkustanzi flimkien mal-ġenituri/kustodji tagħhom, isiru midħla ta’ firxa ta’ strateġiji ta’ kitba li jgħinuhom jiżviluppaw il-ħiliet kreattivi tagħhom. Meta jkun il-każ, dawn il-klabbs tal-kitba jagħtu l-opportunità lill-ġenituri/kustodji li jitgħallmu ħiliet prattiċi tal-kitba li jistgħu jużaw mat-tfal fid-dar tagħhom.
L-aħħar Klabb tal-Kitba Kreattiva, organizzat mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, ġabar fih żewġ gruppi ta’ studenti li ħadmu fuq l-iżvilupp tal-ħiliet tal-kitba kreattiva tagħhom permezz ta’ erba’ sessjonijiet varjati. Il-kors sar bil-Malti sabiex l-istudenti jkollhom opportunità jsaħħu u jużaw il-lingwa b’mod naturali u kreattiv. L-ewwel grupp kien jinkludi tfal li mit-tielet sal-ħames sena, filwaqt li t-tieni grupp kien jikkonsisti minn studenti tas-sitt sat-tmien sena. Kull grupp ingħata l-opportunità jsaħħaħ il-kreattività, l-espressjoni personali, il-ħila li jfasslu stejjer u l-vokabularju permezz ta’ attivitajiet li kienu kemm edukattivi kif ukoll divertenti.
Għas-sessjonijiet tal-istudenti ż-żgħar attendew ukoll il-ġenituri, li kellhom sehem importanti fil-proċess ta’ tagħlim u għenu biex it-tfal iħossuhom aktar komdi u kunfidenti waqt l-attivitajiet. It-tfal ġew introdotti għal attivitajiet ibbażati fuq stampi, stejjer qosra, logħob lingwistiku u attività oħra li għenithom jesprimu ruħhom permezz tal-lingwa Maltija. It-tieni grupp, magħmul minn studenti bejn is-sitt u t-tmien sena, ħadem fuq kitba aktar strutturata fejn l-istudenti setgħu joħolqu stejjer qosra, jiddeskrivu xeni u joħolqu karattri, filwaqt li jiżviluppaw ħsieb aktar kritiku u vokabularju aktar rikk. L-attivitajiet kienu jinkludu xogħol individwali u fi gruppi, kif ukoll diskussjonijiet dwar elementi importanti tal-kitba kreattiva. B’kollox f’dawn il-Klabbs ħadu sehem 28 student.
Il-Klabb tal-Kitba Kreattiva kien esperjenza edukattiva u pożittiva ħafna. Fl-aħħar tas-sessjonijiet, l-istudenti ngħataw ktieb u ċertifikat bħala rikonoxximent talli attendew u pparteċipaw b’mod attiv, u bħala tifkira tal-ħidma tagħhom f’dan il-kors li saħħaħ il-kreattività u l-imħabba tagħhom lejn il-lingwa Maltija.







