Għall-aħħar Xalata ta’ Kitba tas-sena 2025, ittellgħet din l-attività edukattiva, parti minn programm akkreditat, li fiha ħadu sehem tfal li jattendu mit-3 sal-5 sena tal-primarja, kif ukoll tfal li qegħdin bejn is-6 sena tal-primarja u t-8 sena tal-iskola medja. Din l-attività saret ġewwa l-Buskett, fl-Educational Hub immexxi minn Ambjent Malta, f’ambjent naturali li joffri opportunità unika ta’ tagħlim barra l-klassi.
Matul iż-żjara tagħhom, il-kittieba żgħar esploraw il-mogħdijiet sbieħ tal-Buskett, fejn tgħallmu dwar in-natura u l-ambjent ta’ madwarhom filwaqt li ħadu sehem f’diversi attivitajiet kreattivi marbuta ma’ din it-tema. Dawn l-attivitajiet ġew imfassla apposta skont l-età tal-parteċipanti, bil-għan li jrawmu l-immaġinazzjoni, l-espressjoni personali u l-imħabba lejn il-kitba.
Matul il-mixja, it-tfal kellhom ukoll il-pjaċir jiltaqgħu mal-mistieden speċjali Wiġi, ħaġa li żiedet element ta’ sorpriża u interess f’din l-attività. Bħala tifkira ta’ din il-ġurnata, kull tifel u tifla telqu bi ktieb, ġentilment sponsorjat minn Merlin Publishers.
Din l-attività kienet esperjenza pożittiva u ta’ suċċess, li għaqqdet it-tagħlim, il-kreattività u l-apprezzament tan-natura f’esperjenza waħda memorabbli għat-tfal u l-ġenituri kollha li ħadu sehem.








