Imdawrin bl-Istejjer — ‘Mill-irrakkuntar tal-istejjer nisimgħu x’għandhom jgħidulna t-tfal’
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, The Malta Trust Foundation, u The Malta Foundation for the Wellbeing of Society, qegħdin jorganizzaw id-disa’ edizzjoni tal-Qaritona Nazzjonali. Il-Qaritona qiegħda ssir bil-għan li nkomplu nrawmu iktar imħabba għall-qari u l-irrakkontar tal-istejjer fost it-tfal, kif ukoll insaħħu l-għarfien interkulturali, l-empatija, u r-rispett.
Waqt it-tnedija, li saret nhar il-Ġimgħa, 13 ta’ Marzu 2026 fl-iskola primarja ta’ San Ġwann tal-Kulleġġ Santa Klara, erba’ studenti ta’ nazzjonalitajiet differenti qasmu stejjer u esperjenzi mill-kulturi tagħhom mal-mistiedna distinti u sħabhom l-istudenti. Wara, l-istudenti tal-ħames sena kellhom l-opportunità jistaqsu mistoqsijiet fuq il-qari lill-Onor. Ministru Clifton Grima, l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca u l-Ambaxxaturi tal-Qari Carlos Farrugia, Kelly Peplow, Saviour Darmanin u Joseph Grech.
Din hija inizjattiva interkulturali mfassla għall-istudenti tal-iskejjel primarji u medji. Il-Qaritona tħeġġeġ studenti ta’ kulturi u lingwi differenti biex jaqsmu, jesploraw u jerġgħu jimmaġinaw stejjer folkloristiċi jew ħrejjef bħala mezz biex titkattar l-għaqda bejn tfal minn kulturi differenti. Permezz ta’ firxa ta’ attivitajiet li jistgħu jsiru fil-klassi jew id-dar, l-istudenti se jaqsmu stejjer tradizzjonali mill-kulturi tagħhom, jesploraw stejjer Maltin, u jikkollaboraw b’mod kreattiv ma’ sħabhom biex joħolqu stejjer ġodda.
L-iskejjel interessati li jipparteċipaw huma mistiedna jirreġistraw l-interess tagħhom mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu mhux aktar tard mill-Ġimgħa, 17 ta’ April 2026. Għal aktar informazzjoni, irreferu għaċ-ċirkolari NLA 22/2026 jew żuru l-paġna tal-Aġenzija https://nla.gov.mt.
Il-Qaritona Nazzjonali qiegħda ssir bis-sehem ta’ Malta Public Transport.






