L
-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu laqqgħet l-awturi tal-kotba tas-sensiela ‘Naf Naqra’ għal mument ċkejken ta’ ċelebrazzjoni fiċ-Ċentru Nazzjonali tal-Litteriżmu, il-Ħamrun.
Wara s-suċċess tal-programm ‘Reading Recovery’ bl-Ingliż, programm ta’ intervent ta’ litteriżmu bikri fit-tieni u t-tielet klassi tal-iskejjel primarji, inħasset il-ħtieġa li l-programm jibda jingħata wkoll bil-Malti – ‘Ir-Rimonta fil-Qari’. Biex seta’ jsir dan, kellhom jinħolqu kotba tal-qari ggradati apposta. Għaldaqstant, madwar sentejn ilu, uħud mill-għalliema tar-Reading Recovery bdew iħejju r-riżorsi bil-Malti, fosthom il-kotba tal-qari.
‘Naf Naqra’ hija sensiela ta’ kotba ggradati maħluqa għall-kisba ta’ litteriżmu bikri bil-lingwa Maltija. Il-kotba huma mfassla u editjati minn għalliema u mexxejja tal-għalliema mħarrġa fil-metodoloġija tar-Reading Recovery, wara konsultazzjoni ma’ esperti fil-litteriżmu ta’ Reading Recovery Europe. S’issa ġew ippubblikati 48 ktieb iggradat, b’aktar kotba ppjanati li jiġu ppubblikati fiż-żmien li ġej.
Din il-ħidma tirrappreżenta investiment sostanzjali mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu fil-litteriżmu bikri bil-Malti u qed tqiegħed pedament sod għat-tixrid gradwali ta’ dan l-intervent strutturat, ibbażat fuq l-evidenza. Hekk l-istudenti li jsibuha diffiċli jaqraw u jiktbu fis-snin bikrin tal-edukazzjoni tagħhom se jkollhom mogħdija oħra mnejn jgħaddu biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom.






