Is-sena 2017 kienet sena mpenjattiva ħafna għall-qasam tal-isport f’Malta. Kien hemm ħidma ntensiva ħafna, kemm fuq livell lokali, kif ukoll dak Ewropew, li bdiet matul il-Presidenza, fejn inħoloq il-Pjan ta’ Ħidma Ewropeja għall-isport mis-sena 2018 sas-sena 2020, kif ukoll saret diskussjoni wiesa dwar l-inklużjoni soċjali permezz tal-iSport u permezz tal-volontarjat.

Il-Gvern wera u qed juri mpenn shih biex izid il-parteċipazzjoni fl-attivita` fiżika u l-isport tant hu hekk li matul l-2017, SportMalta żiedet il-programmi sportiva tagħha, u ntlaħaq numru rekord ta’ parteċipanti li ħadu sehem fil-programmi sportivi, kemm fis-sajf, b’aktar minn 6000, kif ukoll fix-xitwa, b’aktar minn 7000, immexxija minn aktar minn 350 kowċ.

Aparti l-investiment u x-xogħol fil-faċlitajiet sportivi, matul is-sena 2018, se jkomplu jiġu żviluppati programmi ta’ Edukazzjoni u promozzjoni tal-isport u l-attivita’ fiżika, flimkien ma’ programmi ġodda u akkademji.

Matul din is-sena, l-atleti tal-iSpecial Olympics se jingħaqdu mal-programmi ta’ SportMalta, jużaw il-kumplessi ta’ SportMalta, u l-ħlas tal-kowċis tagħhom isir minn SportMalta, biex verament ikunu nklużi.

Il-Gvern jemmen li hemm bżonn ta’ aktar faċilitajiet sportivi adekwati u ta’ livell għoli biex iktar persuni jkunu attivi u biex ikun jista’ jintlaħaq il-livell meħtieg mill-atleti Maltin. Il-mira tal-gvern hi li Malta ssir destinazzjoni mportanti fl-Ewropa għat-Turiżmu Sportiv. B’aktar faċilitajiet ta’ livell għoli, pajjiżna jista’ jattira aktar kompetizzjonijiet internazzjonali u training camps. Dan is-settur tat-turiżmu jista’ jikkontribwixxi ghal aktar impjiegi u jkompli jzid mat-tkabbir ekonomiku sostanzjali li l-pajjiżi kellu f’dawn l-aħħar 4 snin. Għal dan il-għan, matul din is-sena tlestew, jew qed isiru xogħolijiet ta’ bini u manutenzjoni ta’ diversi faċilitajiet, fosthom it-trakka tal-ġiri f’Santa Luċija, xogħol fl-art u l-istands tal-Pixxina tal-Qroqq, ir-restawr tal-faċilita` tal-lotta fin-Naxxar, kif ukoll xogħol estensiv fil-Padiljun tal-Basketball ġewwa Ta’ Qali, bl-ewwel fazi ta’ dan tal-ahhar tlahhaq spiza ta’ nofs miljun ewro.

Se titlesta ukoll l-ewwel fażi tal-Proġett tax-Shooting Range Internazzjonali ġewwa ta’ Kandja li se jospita f’Malta l-kampjonat dinji tal-isparar f’Ġunju.

B’investiment ta’ nofs miljun ewro, se jsir resurfacing tat-telgħa tal-Imtaħleb, biex l-entużjasti tal-hill climb ikollhom post xieraq fejn jipprattikaw l-isport tagħhom. Proġett ieħor se jsir fis-sit tal-ex skola ta’ Maria Assunta, fejn se jitlestew l-ewwel fażi tal-iSnooker hall u l-Handball court, waqt li jsiru pjanijiet għall-faċilitajiet tar-raffa bocci u t-Table Football. Se jkun qed isir ukoll investiment fil-qasam tal-Atletika, fejn it-trakka tal-Marsa se tinqala’ u tinbidel wara 25 sena li saret.

Proġett ambizzjuz ieħor huwa l-bini tal-pixxina indoor ta’ daqs Olimpiku fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera. B’hekk se jkun hemm iktar spazju fejn iktar għawwiema u timijiet tal-waterpolo jistgħu jipprattikaw l-isport tagħhom. F’Marsaskala, se jsir ukoll football pitch ġdid, kif ukoll pixxina.

Dan huwa mpenn li l-Gvern qed jagħti biex l-isport ikompli jsir aċċessibli għal kulħadd, biex aktar persuni ta’ kull eta` jkunu attivi u sportivi, biex l-għaqdiet sportivi isiru iktar sostenibbli, biex ikollna aktar suċċess fl-isport internazzjonali, biex jinħolqu iktar impjiegi fl-isport, biex l-isport jikkontribwixxi aktar lejn l-ekonomija ta’ Malta, u biex finalment ikollna poplu iktar b’saħħtu u kuntent.

Dr Clifton Grima

Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat