Helen Keller kienet awtriċi u attivista Amerikana li kienet nieqsa mis-smigħ u d-dawl u li minkejja dan, kienet l-ewwel persuna li kisbet Baċellerat fl-Arti. Dan għamlitu fl-1904, meta l-istrutturi u l-aċċessibiltà kienu limitati. Minn hemmhekk, Keller marret biex tilħaq mumenti storiċi fejn semmgħet leħenha favur id-drittijiet tan-nisa, tal-ħaddiema u kontra l-gwerra.
Żgur li hija xempju ta’ valuri importanti fis-soċjeta’ tagħna: il-valuri tal-ġid komuni, tat-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u tal-opportunita’ biex tikteb u titgħallem minkejja l-isfidi li jkollha quddiem dik il-persuna.
Dawn huma valuri li huma riflessi fiċ-Ċentru tar-Riżorsi imsemmi propju Helen Keller, li jinsab il-Qrendi.
Dan iċ-ċentru, li jilqa’ fih 40 student bi bżonnijiet speċjali, ilu jopera għal dawn l-aħħar 25 sena u joffri servizzi diversi b’mod ħolistiku, fosthom edukazzjoni, servizz ta’ kura u preparazzjoni biex l-istudenti jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
F’dan iċ-ċentru tara ħaddiema li għandhom dedikazzjoni kbira lejn it-tfal u wieħed jinnota kemm huma kuntenti, speċjalment meta tidħol fil-klassijiet u tara tbissima kbira fuq l-uċuħ ta’ dawn iż-żgħażagħ.
Iċ-ċentru Helen Keller joffri wkoll servizzi għal persuni oħra b’diffikultajiet permezz ta’ fisjoterapija u speech therapy fost servizzi oħra. Kull klassi hi mgħammra b’tagħmir li jagħmel il-ħajja ta’ dawn il-persuni aktar faċli. Fiċ-ċentru hemm ukoll Multi-sensory room; spazju dedikat għall-istimulazzjoni tas-sensi biex b’hekk jitjieb il-mod ta’ kif dawn l-istudenti jifformolaw il-ħsibijiet u b’hekk itejbu wkoll il-ħiliet soċjali. Din il-kamra toffrilhom l-opportunità li jgawdu varjetà t’esperjenzi.
Fiċ-ċentru wieħed isib ukoll Soft Play room, kamra għall-Arti u għall-Mużika, kamra tal-Ortikultura, jacuzzi, grawnd tal-futbol, kif ukoll ġnien li joffri wkoll ħajt multi-sensorju b’diversi karatteristiċi interessanti, bħal bieba ta’ karozza u ċagħaq.
L-istudenti jitgħallmu wkoll kif isiru independenti u rajna kif iċ-ċentru jinvolvi l-istudenti b’kull mod possibbli. Fil-fatt, jiġu mgħallma Arti u Mużika, IT u saħansitra attività fiżika. Jiġu organizzati wkoll diversi attivitajiet matul is-sena kollha, fosthom fun days, kunċert tal-Milied, attivitajiet tal-Karnival u ħafna aktar.
Iċ-ċentru Helen Keller, mhux biss joffri esperjenzi lill-istudenti iżda dejjem ifittex kif jistà jtejjeb l-esperjenza tal-persuni li jaħdmu fiċ-ċentru wkoll. Fost ħafna attivitajiet, is-sena l-oħra ġie organizzat taħrig permezz ta’ Erasmus ġewwa l-Polonja, fejn 13 –il membru miċ-ċentru marru l-Polonja u esperjenzaw ċentru simili ta’ Helen Keller. B’hekk setgħu jaqsmu l-prattiċi bejniethom sabiex itejbu l-esperjenza offruta lill-istudenti taċ-ċentru.
F’għeluq il-25 anniversarju, din is-sena ċ-ċentru organizza numru t’attivitajiet kemm għall-istudenti kif ukoll għall-membri taċ-ċentru, fosthom mixja madwar il-lokalità, b’għajnuna tal-Kunsill Lokali fejn it-tfal taw rigal lil persuni madwar it-toroq li kienu pinġew huma stess. Din l-attività kompliet turi l-impenn tal-membri taċ-ċentru sabiex jinvestu fil-futur ta’ dawn l-istudenti u turija ta’ kif verament l-membri jinvolvu l-istudenti f’kull attività possibli.
Sabiħ meta tara kif dan iċ-ċentru ħoloq komunità li tmur oltre minn servizz offrut waqt il-ħin tal-iskola. Turi kif ġenituri li jkunu diġa’ għaddejjin minn żminijiet diffiċli, qed jingħataw dak id-daqsxejn ta’ solliev meta dawn ikollhom moħħhom mistrieħ li t-tfal tagħhom qegħdin jingħataw l-attenzjoni meħtieġa u qed immorru lura d-dar kuntenti b’dak li qed jitgħallmu u jiġi offut lilhom.