Għall-ħabta tal-10:15 ta’ dalgħodu, persuna li identifikat ruħha bħala nanna ta’ student marret skola ġewwa l-Birgu u talbet li tiltaqa’ mal-kap tal-iskola.
Wara li ddaħħlet l-iskola mill-istaff li jkun mal-bieb, telgħet fl-uffiċċju tal-kap fejn kien hemm ukoll l-assistenta kap. Intlaqgħet mill-ewwel u malli daħlet fl-uffiċċju aggrediet fiżikament lill-kap.
Membri tal-istaff taw l-assistenza mill-ewwel u din il-persuna nħarġet mill-iskola.
Minbarra talba għall-assistenza medika, sar rapport lill-Pulizija li bdew jinvestigaw il-każ minnufih.
Il-Ministeru jiddeplora dan l-attakk fuq edukatur fil-qadi ta’ dmirijitha u jitlob lill-awtoritajiet konċernati jieħdu l-passi kollha skont il-liġi. Dan hu każ li għandu jġib il-kundanna ta’ kulħadd, speċjalment meta wieħed iqis li seħħ fi skola u allura post fejn l-adulti għandhom jagħtu l-aqwa eżempju lit-tfal.