Newsbreak żar il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi fejn iltaqa’ ma’ Koordinaturi, Playworkers, Sports Playworkers u Child Support Workers ta’ Skolasajf, fejn din is-sena qed tospita madwar 12,000 tifel u tifla. Skolasajf huwa servizz fuq skala kbira li joffri opportunitajiet ta’ xogħol part-time lil eluf li jixtiequ jagħmlu parti minn dan il-proġett annwali tas-sajf.

X’qalulna l-koordinaturi?

Roderick Cilia, issa jinsab fir-raba’ sena li qed jieħu ħsieb ċentru ta’ Skolasajf, din is-sena reġa’ kien il-Mosta. Tkellem fuq xogħolhu bħala esperjenza ta’ sfida pero’ li tagħtih esperjenza mill-isbaħ, kemm fuq livell professjonali kif ukoll fuq livell personali. Is-sitwazzjonijiet differenti ffaċċjati kuljum, kemm fil-każijiet tat-tfal kif ukoll tal-ħaddiema, jitolbu li jittieħdu deċiżjonijiet importanti li jindirizzaw il-bżonnijiet u l-interessi tajbin tal-partijiet kollha kkonċernati.

Josef Farrugia, koordinatur ieħor ta’ Skolasajf qalilna li qed imexxi l-Guardian Angel Resource Centre għar-raba’ sena konsekuttiva. Dan ir-rwol talab sfida saħansitra akbar peress li l-istudenti kollha għandhom bżonnijiet edukattivi individwali, biex b’hekk ikollna nipprovdu approċċ aktar adattat u ngħallmu b’esperjenza tas-sensi.

Julie Galea ilha koordinatur għal aktar minn seba’ snin. Dejjem ħadet ħsieb ċentri kbar, bħal dak ta’ San Pawl il-Baħar, fejn il-popolazzjoni taċ-ċentru tinkludi aktar minn 15-il ċittadinanza differenti. Dawn il-kulturi differenti hi xi ħaġa li Ms Galea tħobb ħafna, speċjalment waqt it-tmiem tal-esperjenza permezz tat-Talent Show. Hija opportunità li tippermetti lit-tfal juru l-ħbiberiji li għamlu, filwaqt li juru t-talenti tagħhom u jippreżentaw aspetti kulturali tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

Koordinatur ieħor George Galea, li din is-sena rritorna fiċ-Ċentru tal-Fgura dejjem jara li jkollu programm ta’ attivitajiet ippakkjat u jinkludi attivitajiet bħal tentattivi ta’ records u avvenimenti ta’ ġbir ta’ fondi li jilħqu lill-komunità immedjata u lill-pubbliku ġenerali.

Kif jippreparaw għal Skolasajf?

Il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi tagħżel il-Koordinaturi taċ-Ċentru għall-ħiliet ta’ kif imexxu u l-ħiliet organizzattivi tagħhom, l-attitudni pożittiva u l-impenn tagħhom għall-professjoni vokazzjonali tagħhom bħala edukaturi. Huwa rwol li jitlob taħlita ta’ ħiliet, biex l-avventura ta’ tmien ġimgħat fis-sajf tkun waħda memorabbli għat-tfal kollha li jattendu għal Skolasajf.

Il-preparazzjoni għal Skolasajf tinvolvi sforz kollettiv kbir minn dawk kollha involuti, mifrux fuq bosta xhur. Il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi tħeġġeġ Koordinaturi taċ-Ċentru ġimgħat qabel il-bidu ta’ Skolasajf għal numru ta’ sessjonijiet ta’ taħriġ u biex dawn jilħqu jagħmlu x-xogħol amministrattiv preliminari qabel l-ewwel jum. Il-koordinaturi taċ-ċentru jattendu wkoll laqgħat mal-Kapijiet tal-Iskejjel, mal-ġenituri u mal-ħaddiema l-oħra.

Sessjonijiet ta’ taħriġ iservu wkoll biex jaġġornaw il-koordinaturi fuq affarijiet ġodda u li nbidlu, prattiċi tal-amministrazzjoni u d-dmijiriet tagħhom.

Laqgħat mal-Kapijiet tal-Iskejjel iservu wkoll biex jorganizzaw ir-riżorsi tal-iskola, filwaqt li dawk mal-ġenituri għandhom l-għan li jwieġbu kwalunkwe mistoqsija pendenti u jipprovdu informazzjoni dwar is-servizz. Il-laqgħat finali huma dawk mal-ħaddiema. Dawn il-laqgħat għandhom l-għan li jibnu tim li jagħti attivitajiet u avvenimenti ta’ kwalità għat-tfal li jattendu fiċ-ċentru.

Filwaqt li l-entużjażmu għal dan il-kompitu ta’ Skolasajf huwa stampat fil-koordinaturi taċ-ċentri, kull sena hemm ukoll opportunitajiet għal dawk li għadhom kif daħlu biex jieħdu dan ir-rwol importanti. U bl-opportunitajiet ta’ tagħlim li jinsabu f’dan ir-rwol, mhux sorprendenti li ħafna japplikaw biex jippruvaw imexxu wieħed miċ-ċentri. Fl-aħħar tat-tmien ġimgħat, il-ħaddiema lli jkunu ingħaqdu maċ-ċentru għal ewwel darba ma jibqgħux ġodda, peress li jingħaqdu mal-bqija tal-“ħaddiema antiki” biex inħarsu lejn is-sajf tagħhom b’sodisfazzjon kbir.