F’din is-sena skolastika, il-gvern beda gradwalment iwettaq is-sistema ta’ trasport b’xejn għall-istudenti. Ma’ dan is-servizz, il-ġenituri, permezz ta’ app, se jkunu jistgħu jingħataw informazzjoni jekk u x’ħin it-tfal tagħhom telgħux u niżlux minn fuq il-vettura li tipprovdi t-trasport għall-iskola.

Bħalissa beda x-xogħol fuq is-sistema ma’ kulleġġ wieħed tal-istat, u fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed issir evalwazzjoni teknika tas-sistema biex eventwalment tkun tista’ titqassam ma’ iżjed studenti.

Il-fob titwaħħal mal-basket tal-istudent u permezz tagħha l-ġenitur jingħata l-informazzjoni msemmija permezz ta’ mobile app. Il-ministeru jisħaq li l-fob m’għandha l-ebda forma ta’ GPS fiha u mhix trackable, jiġifieri hekk kif l-istudent ma jibqax abbord il-vettura, l-ebda persuna jew sistema ma tkun taf fejn qiegħed l-istudent matul il-bqija tal-ġurnata.

Din it-tip ta’ tag kull ma tagħmel biss hija li timmarka meta student jitla’ jew jinżel minn vann jew coach awtorizzata. Hija din il-vettura, u mhux il-fob, li tibgħat l-informazzjoni neċessarja lill-ġenitur, biss ta’ fejn wasal l-istudent fuq il-vjaġġ permezz tal-istess app.

L-istudent fl-ebda parti tal-bqija tal-gurnata ma hu trackable b’xi mod jew ieħor, u lanqas jista’ jkun trackable għax it-tag m’għandha l-ebda teknoloġija ta’ GPS jew simili. Tant hu hekk, li jekk it-tag tintilef, lanqas ma fiha informazzjoni li tista’ tidentifika lill-istudent.

Fil-link www.schooltransport.edu.mt/faqs, il-ministeru se jkun qed jagħti l-informazzjoni kollha f’dan il-qasam u jaġġorna lill-ġenituri bil-mistoqsijiet li jidħlu f’dan ir-rigward.