Bla dubju, wieħed mill-isbaħ fenomeni fil-ħajja huwa meta ningħaqdu biex naqsmu ma’ oħrajn l-imħabba għall-arti. Permezz tal-mużika, l-arti, iż-żfin, il-poeżija u l-projezzjonijiet, inħoloq pont bejn żewġ pajjiżi: Malta u l-Litwanja.

Din l-esperjenza kienet sabiħa u ta’ valur: għall-istudenti tal-arti li rriċerkaw dwar il-kultura tal-Litwanja biex finalment setgħu joħolqu pitturi li jgħaqqdu l-kulturi taż-żewġ pajjiżi; għall-istudenti tal-midja li ħolqu projezzjonijiet tad-disinji fuq l-iskrin; għall-istudenti tal-mużika, kemm Maltin kif ukoll Litwani, li daqqew mużika tradizzjonali ta’ pajjiżhom; għall-istudenti tad-drama li bl-għajnuna tal-għalliem tagħhom interpretaw poeżiji Litwani bil-Malti, għall-istudenti taż-żfin li permezz ta’ koreografija maħluqa għal din l-okkażjoni mill-għalliema tagħhom, qalu storja dwar it-tradizzjonijiet Maltin.

Din l-opportunità tat iċ-ċans lill-għalliema biex flimkien joħolqu arranġamenti ta’ mużika tradizzjonali, kemm Litwana u kemm Maltija, speċifikament għal din l-okkażjoni. Din l-għaqda naqqset id-distanza bejn iż-żewġ pajjiżi u forsi anki b’mod sorpriż, ħareġ kemm il-kanzunetti tradizzjonali Maltin u Litwani, għalkemm b’lirika differenti, għandhom intunazzjoni simili. Il-11 ta’ Marzu, il-jum ta’ dan l-avveniment kulturali u kollaborattiv u Jum l-Indipendenza Nazzjonali tal-Litwanja, ġibed attenzjoni speċjali fuq is-similaritajiet bejn il-pajjiżi tagħna biex ngħożżu l-libertà u nħossuna kburin bl-oriġini tagħna.

Grazzi lil dawk kollha involuti għax b’entużjażmu kbir inħolqot festa sabiħa ta’ arti ġewwa l-Malta Visual and Performing Arts School. Festa li spiċċat b’togħma varjata ta’ ikel tradizzjonali Malti u Litwan.