Programm ta’ Vaċċinazzjoni għall-Impjegati fiċ-Ċentri tal-Edukazzjoni Bikrija u fl-Iskejjel
L-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni juri l-apprezzament lejn l-interess li qed juru l-impjegati fiċ-ċentri għall-edukazzjoni bikrija u fl-iskejjel tal-Istat, tal-knisja u indipendenti.
Grazzi għall-koperazzjoni u l-kollaborazzjoni tajba ħafna li nbniet sa minn Frar 2020, bejn il-Ministeri għas-Saħħa u għall-Edukazzjoni fil-ħidma waqt il-pandemija COVID-19, din il-ġimgħa inħarġet l-applikazzjoni għat-tilqima tal-impjegati taċ-ċentri għall-edukazzjoni bikrija u tal-iskejjel (minbarra għall-istituzzjonijiet bħalma huma l-Universita’ ta Malta, l-MCAST u l-ITS). Ir-rispons sa issa hu wieħed tajjeb ħafna u min-naħa tal-awtorita’ tas-saħħa ser jibdew jintbagħtu l-appuntamenti għat-tilqima li ser tibda tingħata mill-ġimgħa d-dieħla. Id-dettalji kollha ser ikunu fl-appuntament li ser ikun qed jintbagħat lil kull impjegat li wera l-interess.
Dawk interessati li jieħdu t-tilqima u għadhom m’applikawx huma mħeġġin jagħmlu dan malajr kemm jista’ jkun u jibgħatuha fuq [email protected].
Il-koperazzjoni ta’ kulħadd hija meħtieġa ħafna biex il-programm ta’ tilqim (li fil-każ tas-settur edukattiv ser ikun qed jindirizza għexieren ta’ eluf ta’ impjegati) ikun jista’ jimxi tajjeb kif ippjanat. Għalhekk, importanti ħafna li nimxu lkoll mad-dettalji li ningħataw fl-appuntament li eventwalment nirċievu.