Il-Ministeru għall-Edukazzjoni jrodd ħajr u juri l-apprezzament lejn id-diriġenti u l-uffiċċjali, u l-membri kollha fil-komunitajiet skolastiċi għall-ħidma sfieqa mwettqa minna lkoll flimkien waqt il-pandemija COVID-19 biex it-tagħlim fil-vjaġġ edukattiv tat-tfal kollha seta’ jissokta tul is-sena skolastika 2020-2021.

 

It-tħejjijiet li tfasslu matul is-sajf 2020 wasslu fost l-oħrajn biex:

  • iddaħħlu numru mdaqqas ta’ mizuri preventivi f’kull skola,
  • infetħu l-iskejjel kollha, kuljum għat-tfal kollha,
  • matul il-jiem li matul l-iskejjel ingħalqu t-tagħlim issokta onlajn b’mod organizzat u mħejji tajjeb ħafna minn qabel bl-uzu ta’ pjattaforma diġitali waħda u b’timetables fissi,
  • infetħu skejjel virtwali għal tfal u studenti at risk tal-primarja, tal-medja u tas-sekondarja bl-użu ta’ pjattaforma diġitali waħda, b’timetable għal matul il-ġimgħa u bl-assessjar inkluż bl-eżamijiet annwali,
  • saru l-eżamijiet annwali u tal-MATSEC,
  • ġew irrekordjati madwar 11,000 lezzjoni li jkopru s-sillabi tas-suġġetti mgħallmin fl-iskejjel primarji medji u sekondarji. Dawn il-lezzjonijiet huma aċċessibbli għal kulħadd, mingħajr ħlas u kull meta’ jkun meħtieġ minn fuq is-sit teleskola.mt taħt is-sezzjoni ‘Recorded Lessons’,
  • ser jinfetaħ ‘Summer Catch-Up Educational Programme’ ta’ tmien ġimgħat għal tfal tal-primarja, medja u sekondarja li minħabba l-pandemija l-aktar li tilfu tagħlim,
  • ser tinfetaħ SkolaSajf u l-programmi favur il-qari skont ir-restrizzjonijiet u l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.

 

Matul il-ġimgħat li għaddew bdew jiġu diskussi mal-awtoritajiet tas-saħħa l-ftuħ tas-sena skolastika li jmiss. Hekk kif jingħataw il-pariri neċessarji mill-awtorita’ tas-saħħa b’rabta mas-sitwazzjoni pandemika u l-ftuħ tal-iskejjel f’Settembru 2021, ser ikunu qed jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa kif sar biex setgħu jinfetħu l-iskejjel matul din is-sena skolastika li qed tingħalaq.

 

Inħeġġu lil kulħadd biex matul il-ġimgħat tas-sajf infittxu mumenti ta’ mistrieħ kif inhu meritat għall-benesseri tagħna u ta’ dawk madwarna, waqt li nitħejjew għas-sena skolastika li jmiss.