Il-Malta Youth Film Festival huwa organizzat mill-Aġenzija Żgħazagħ b’kollaborazzjoni mal-għaqda mhux governattiva Malta Film Foundation. Il-festival jinkoraġġixxi individwi jew gruppi ta’ produtturi tal-films fl-etajiet ta’ bejn is-16 u t-30 sena biex jesprimu lilhom infushom permezz tal-produzzjoni ta’ films u jsaħħu l-ħiliet tagħhom f’din l-industrija.
F’ċerimonja li ttellgħet il-Ġimgħa filgħaxija fil-Youth Village Complex li l-Aġenzija Żgħażagħ għandha f’Santa Venera tħabbru u tqassmu l-premjijiet lir-rebbieħa tal-Malta Youth Film Festival għas-sena 2022. Għall-festival ta’ din is-sena ngħataw tmien premijiet u r-rebbieħ tal-isbaħ stampa ser jingħata l-possibilità li jipparteċipa fin-Nordic Film Festival ġewwa n-Norveġja.
Bl-esperjenza li r-rebbieħ jikseb barra minn xtutna permezz ta’ dan il-premju, ir-rebbieħ ser ikun jista’ jaqsam l-esperjenza tiegħu ma’ żgħażagħ bħalu lura Malta sabiex japplikaw il-ħiliet anke fi produzzjonijiet lokali.
Ir-rebbieħa tal-Festival ta’ din is-sena huma:
L-Aqwa Rakkuntar – Embrace the Grind – Keith Dimech
L-Aqwa Direzzjoni Teknika – Rabbit Stew – Francesca Zammit
Kreattivita u Oriġinalità -Vagabond – Bruce Micallef Eynaud
L-Aqwa Rectar – Ħemda – Jeremy Grech
L-Għazla tal-Pubbliku – The Scars I will not hide – Nathan Calleja
Audience Engagement Award – Embrace the Grind – Keith Dimech
L-Aħjar Ċinematografija – Lately – Jeremy Vella
L-Aħjar Film – Embrace the Grind – Keith Dimech
Fost il-mistednin għaċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet kien hemm is -Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.
Bħala Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, qal li jifhem l-importanza li natrezzaw u nħeġġu liż-żgħażagħ jimirħu fl-industrija tal-films. “Malta fl-aħħar snin rnexxielha tattira numru ta’ produzzjonijiet ta’ films bi profil għoli u ma’ dawn inħolqu diversi opportunitajiet għall-individwi lokali. B’hekk b’festivals bħal dan inkunu qegħdin inressqu liż-żgħażagħ iktar lejn din l-industrija u nippromwovu l-kreattività, espressjoni artistika u kulturali u innovazzjoni ta’ dawn iż-żgħażagħ li twassal għall-żvilupp sostenibbli”, qal is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti. Kompla billi jirringrazzja lill-ħidma t’Aġenzija Żgħażagħ flimkien mal-Malta Film Foundation għall-impenn tagħhom sabiex jitella’ festival ta’ suċċess bħal Malta Youth Film Festival.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma saħqet fuq l-importanza t’opportunitajiet bħall-Malta Youth Film Festival li hija l-unika pjattaforma f’Malta li tirrikonoxxi l-produzzjonijiet taż-żgħażagħ u tħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jilħqu l-għanijiet tagħhom. “Aġenzija Żgħażagħ introduċiet ukoll proġett ġdid bl-isem ta’ ‘Jump Start’ biex jintlaħħqu wkoll iż-żgħażagħ fl-iskejjel sekondarji”, qalet dan Miriam Teuma.