Dan is-sajf, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu se terġa’ torganizza l-kampanja ‘Aqra fis-Sajf’ bil-għan li tħeġġeġ lit-tfal jibqgħu jaqraw fis-sajf u hekk ma jitilfux il-kisbiet u l-ħiliet li jkunu akkwistaw maltul is-sena skolastika.  Waqt din il-kampanja, se jiġu organizzati sessjonijiet ta’ Aqra fis-Sajf, bil-Malti u bl-Ingliż, li se jingħataw minn animaturi mħarrġa apposta mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.

Dawn is-sessjonijiet ta’ qari għall-gost se jsiru fiċ-ċentri ta’ Skolasajf immexija mill-FES u fil-programm Catch-up. Barra minn hekk, matul das-sajf, l-Aġenzija se tibqa’ għaddejja wkoll bil-programmi Aqra Miegħi/Read with Me, Seħer l-Istejjer/The Magic of Stories u Gost il-Qari/The Pleasure of Reading f’ġonna pubbliċi, swali tal-Kunsilli Lokali u l-libreriji pubbliċi.
It-tfal li matul is-sena attendew il-programm tal-litteriżmu għall-familja Nwar, se jsegwu l-programm Klabbsajf online filwaqt li dawk li segwew ir-Reading Recovery u Klabb Naħla matul
dis-sena skolastika se jkollhom ukoll sessjonijiet diretti virtwali.

It-tfal li se jipparteċipaw f’dawn il-programmi online se jingħataw attenzjoni individwali minn tuturi/animaturi tal-qari u se jsegwu programm strutturat u meqjus. Il-gwidi tal-qari se joffru sapport lill-istudenti u jesponuhom għal firxa ta’ kotba biex ikomplu jtejbu l-ħiliet tal-qari tagħhom.  Studenti tal-5 u s-6 sena tal-primarja se jingħataw l-opportunità jieħdu sehem fl-edizzjoni sajfija tal-programm Bil-Qari u l-Kitba Niskorja/Footballer’s Read and Write Programme. Sports Literacy Leaders (ex-plejers internazzjonali) u Literacy Resource Leaders se jorganizzaw attivitajiet li jgħaqqdu l-futbol mal-qari u l-kitba. Kull attività se tikkonsisti minn qari ta’ storja dwar il-futbol, eżerċizzji fiżiċi u logħob ieħor.

Fis-sajf l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu se toffri wkoll sessjonijiet ta’ rrakkontar ta’ stejjer lill-istudenti ta’ Skolasajf. Dawn l-istudenti se jkollhom l-opportunità jisimgħu l-irrakkontar ta’ ħrejjef u leġġendi, bil-Malti jew bl-Ingliż, kif ukoll jieħdu sehem f’attivitajiet tat-taħdit li jinvolvu ċaqliq u movimenti. Kull sessjoni se tikkonsisti f’rakkuntar ta’ stejjer u attivitajiet tat-taħdit li se jsaħħu l-immaġinazzjoni u l-kreattività tat-tfal kif ukoll jgħinuhom jitkellmu b’mod iktar mexxej u b’kunfidenza. Għadd ta’ skejjel primarji, medji u sekondarjise jkunu wkoll qegħdin jiftħu l-librerija tal-iskola għall-istudenti tagħhom, darba jew darbtejn fil-ġimgħa.

Barra dan kollu, fis-sajf l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu se tissokta bl-inizjattiva Brillantini tal-Qari. Permezz ta’ dil-kampanja l-Aġenzija tippremja lil dawk it-tfal u l-adolexxenti li jħobbu jaqraw u jaqsmu l-imħabba li għandhom għall-qari ma’ nies u tfal oħra. L-istudenti li jħobbu jaqraw l-iskola, id-dar, jew f’postijiet oħrajn matul il-ħin liberu tagħhom huma mistiedna jieħdu sehem fil-kompetizzjoni Jien Brillantin/a tal-Qari. Dawn jistgħu juruna kemm il-qari huwa għal qalbhom billi jagħmlu waħda jew iktar minn dawn l-attivitajiet:

• Jiktbu dwar il-kotba jew awturi favoriti tagħhom.
• Ipinġu stampa mill-ktieb favorit tagħhom jew tal-karattru/i l-aktar għal qalbhom.
• Joħolqu filmat qasir li fih jitkellmu dwar il-ktieb jew l-awtur li jogħġobhom l-iktar.
• Jiddeskrivu r-rokna favorita tagħhom fejn jaqraw u jibagħtulna ritratti ta’ din ir-rokna.
• Joħolqu filmat qasir li fih jirreċtaw xena mill-ktieb favorit tagħhom.
• Jissorprenduna bil-kreattività tagħhom billi joħolqu xi attività oħra!

Il-kampanija sajfija tagħlaq fl-1 ta’ Settembru, 2022. Wara li l-ġenituri/gwardjani jimlew il-formola – https://forms.office.com/r/wBhAwKN6Uy u jissottomettuha, ix-xogħol li jkun sar għall-kompetizzjoni għandu jintbagħat ma’ ittra elettronika lil [email protected]

Il-kampanja Aqra fis-Sajf tiġi organizzata mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu bi sħab mal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, il-Bord tal-Għotjiet tal-Manteniment għall-Istudenti, l-entità Libreriji Maltin, id-Direttorati tal-Edukazzjoni tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, u pubblikaturi u distributuri tal-kotba lokali.

Min jixtieq aktar informazzjoni fuq il-kampanja, jista’ jżur il-paġna tal-Facebook ta’ Aqra fis-Sajf jew jikkuntattja lis-Sur Daniel Cini, Senior Manager billi jċempel 2598 2993.