EducationMEYRNational Literacy Agency

Naqra Teatru / Literacy and Drama Programme

Matul is-sena skolastika 2021-2022, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu organizzat programm pilota jismu Naqra Teatru / Literacy and Drama Programme. Dan il-programm kien jikkonsisti minn għaxar sessjonijiet għal tfal li qegħdin fl-aħħar snin tal-primarja, bl-għan li jtejbu l-ħiliet tal-qari, il-kitba, is-smigħ, u t-taħdit permezz ta’ attivitajiet relatati mad-drama.

Dan il-programm sar bil-Malti ma’ klassi tal-ħames sena fl-iskola primarja ta’ Ħ’Attard tal-Kulleġġ San Nikola u bl-Ingliż ma’ klassi tal-ħames sena fl-iskola primarja ta’ Marsascala San Ġwakkin tal-Kulleġġ San Tumas More. Is-sessjonijiet saru waqt il-ħin tal-iskola minn Literacy Leader u Drama Leader imħarrġa mill-istess Aġenzija. B’kollox ipparteċipaw 40 student.

Bħala ċelebrazzjoni f’għeluq l-ewwel ċiklu tal-programm, dawn l-istudenti ħadu sehem f’attività speċjali li saret fil-25 ta’ Mejju 2022 fi Spazju Kreattiv. Waqt iċ-ċelebrazzjoni, l-istudenti kellhom l-opportunità jesebixxu dak li kienu tgħallmu quddiem sħabhom.

L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu tixtieq tirringrazzja lill-iskejjel u l-edukaturi tal-kollaborazzjoni tagħhom u tawgura lit-tfal kollha li ħadu sehem.