EducationIdeasMEYRYouths

Iffirmat ftehim biex ikompli jgħin liż-Żgħażagħ fil-Komunità

 Għall-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ, li din is-sena għandu t-tema Solidarjeta’ Interġenerazzjonali, ġie ffirmat ftehim bejn l-Aġenzija Żgħażagħ u l-Fondazzjoni Relationships Are Forever biex jiġu żviluppati l-“Our Journey Cards”. L-għan tagħhom huwa li jkomplu jassistu liż-żgħażagħ biex jgħixu ħajja aktar kuntenta u jkunu kapaċi jirriflettu, jagħmlu għażliet tajbin u jenfasizzaw il-valuri u l-prinċipji tagħhom flimkien mal-adulti.

Din il-kollaborazzjoni se tagħti importanza wkoll lir-riżorsi umani li huma tant kruċjali fl-iżvilupp taż-żgħażagħ, fosthom, youth workers. Għalhekk dan il-ftehim jinkludi wkoll iffinanzjar li jappoġja lill-adulti li jaħdmu maż-żgħażagħ.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Cliftion Grima qal li s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet hija essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli, għalhekk irridu nkomplu nikkollaboraw biex inrawmu relazzjonijiet u sħubijiet interġenerazzjonali ta’ suċċess u ġusti biex niżguraw li “ħadd ma jitħalla lura.”L-età tippreżenta sfida sinifikanti għat-trawwim tal-kollaborazzjoni u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, u għalhekk hija r-responsabbiltà tagħna li nqarrbu il-ġenerazzjonjiet flimkien”, qal il-Ministru Grima.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti saħaq fuq l-importanza taż-żgħażagħ f’kull aspett soċjali filwaqt li d-deċiżjonijiet li jittieħdu jħallu impatt fuq l-għixien u l-iżvilupp tagħhom. “Għalhekk il-politika li aħna l-politiċi noħolqu hija kruċjali għaż-żgħażagħ u waqt it-teħid tad-deċiżjonijiet huwa importanti li dejjem inżommu fl-isfond tal-proċess, minfejn ikunu ġejjin iż-żgħażagħ” kompla jgħid Keith Azzopardi Tanti.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Żgħażagħ Miriam Teuma ħeġġet liż-żgħażagħ biex iħaddnu l- valur tas-solidarjetà lejn l-adulti u jgħarrfu l-esperjenzi tagħhom. “Nappella lill-adulti li qegħdin f’pożizzjonijiet għolja tat-tmexxija biex  jiżvillupaw opportunitajiet għaż- żgħażagħ biex bi spirtu kooperattiv jingħaqdu ż-żewġ vuċijiet bil-għan għall-bidla sostenibli.

Wieħed mill-fondaturi ta’ Relationships Are Forever, Julian Sant, qal “L-Our Journey Cards huma żviluppati bil-għan li jgħinu liż-żgħażagħ u lill-adulti jsaħħu l-karattru tagħhom u jibnu relazzjonijiet sinifikanti ma’ ta’ madwarhom.”

Il-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ twaqqaf min- Nazzjonijiet Magħquda bil-għan li ż-żgħażagħ ikollhom aċċess għall-aktar opportunitajiet li jsaħħu l-ħiliet tagħhom filwaqt li jkun hemm ħarsien lejn id-drittijiet tagħhom. Din is-sena t-tema’ magħżula tenfasizza d-dinjità għall-etajiet kollha.

B’din l-isħubija tal-lum, se tkompli tissaħħaħ it-twettieq tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ li għandha l-għan strateġiku li tiffaċilità t-transizzjonijiet taż-żgħażagħ fil-proċess tal-ħajja adulta.

Preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni kien hemm ir-rapreżentant mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ Jacob Callus.

Aktar informazzjoni fis-sit: www.onourjourney.org