Bħala Dipartiment tar-Riżorsi Edukattivi, nhar il-Ħamis, 17 ta’ Novembru, 2022, ilqajna lill-għalliema supplimentari l-ġodda ġewwa s-sala tal-iskola sekondarja ta’ Kirkop fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu u flimkien ma’ diversi kollegi minn sezzjonijiet oħra għaddejnielhom għarfien bażiku dwar l-impjieg u xgħelna bozza dwar diversi kurżitajiet marbutin ma’ dil-karriera. L-idea kienet li niggwidawhom u nħeġġuhom isegwu din bħala karriera billi jkomplu l-istudji tagħhom filwaqt li jgħallmu.
Fost it-topiks magħżula għall-ġurnata kellna:
- Taħdita mas-Sur Carlston Grima, Uffiċċjal Edukattiv tal-Malti li tkellem u ta eżempji ta’ kif wieħed jibni u jzomm il-fajl meħtieġ mill-għalliem.
- Eżempji u pariri prattiċi mis-Sur Patrick Mercieca, Assistent Kap ta’ skola li ffoka fuq l-immaniġġjar tal-imġiba fl-ambjent skolastiku.
- Spjegazzjoni tal-formularju neċessarju mil-lat tal-impjieg mis-Sa. Annabel Desira, Uffiċċjal Edukattiv fi ħdan id-Dipartiment tar-Riżorsi Edukattivi
- Spjegazzjoni u Familjarizzazzjoni tal-Kodiċi tal-Etika mis-Sa. Jennifer Grima, Uffiċċjal Edukattiv u segretarja tal-Kunsill tal-Professjoni tal-Għalliema
- Sessjoni interattiva dwar metodi t’assessjar flimkien mas-Sa. Cheryl Curmi u s-Sa. Clare Wigg bħala Uffiċċjali Edukattivi tal-Kurrikulu mill-Kulleġġi
Is-sessjoni kienet interattiva immens u l-parteċipazzjoni kienet waħda ħajja l-ħin kollu.
Id-Direttriċi s-Sa. Lucienne Calleja tat bidu għal dil-ġurnata ta’ tagħlim u nkoraġġiet lill-għalliema supplimentari sabiex izommu dejjem l-istudent bħala l-prijorita’ assoluta f’kull deċizjoni li tittieħed.
Matul il-ġurnata kien hemm biżżejjed ħin għal interventi ħajja u prattiċi u d-diskussjoni għalkemm bdiet dakinhar żgur li ma waqfitx hemm. Ħadna gost nirċievu iktar mistoqsijiet bit-telefown u bl-imejls u dan kollu xehed l-għatx għat-tagħlim minn dawn l-għalliema ġodda li għadhom kemm ingħaqdu magħna.