Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, fetaħ il-proċess għad-djalogu qabel jibda t-tfassil b’mod normali. B’hekk, din l-istrateġija se tkun qed titfassal permezz ta’ djalogu soċjali sħiħ mal-imsieħba kollha biex imbagħad jiġi ppubblikat dokument li jitqiegħed għal konsultazzjoni pubblika b’mod normali.
Fil-fatt, l-istrateġija se tkun qed titfassal b’mod sħiħ mill-professjonisti f’dan is-settur, li huma l-edukaturi li ta’ kuljum ikunu f’kuntatt dirett mal-istudenti.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Kulleġġ San Injazju Skola Medja ta’ Ħal Qormi, il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Clifton Grima, għamel enfasi fuq edukazzjoni li twassal biex l-istudenti jilħqu l-potenzjal massimu tagħhom. Dan jista’ jsir jekk kull individwu jingħata attenzjoni speċjalizzata.
Dan il-proċess se jkun qiegħed jitfa’ responsabbiltà fuq kull min jieħu sehem biex ikun wieħed effikaċi li joffri pedament biex pajjiżna jasal għal din l-istrateġija.
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, Matthew Vella, stqarr li permezz ta’ dan il-proċess se jkun qiegħed jibni viżjoni fuq filosofija komuni li għandhom l-edukaturi fej l-aspirazzjonijiet jistgħu jintlaħqu jekk ikun hemm qafas edukattiv li jinkludi lil kulħadd fih. Din l-istrateġija se tkun qed timxi wkoll id f’id mar-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea fil-qasam edukattiv.
Ritianne Borg Saliba, li hija l-Kap tan-Netwerk tal-Kulleaġġ San Ġorġ Preca, għamlet preżentazzjoni dwar l-istrateġija preżenti għall-Edukazzjoni, li kienet tiffoka fuq il-kwalità u opportunitajiet indaqs għall-istudenti.
