Dan is-sajf, għad-disa’ sena konsekuttiva, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qed torganizza l-kampanja Aqra fis-Sajf bil-għan li t-tfal ma jitilfux il-kisbiet li jkunu akkwistaw matul is-sena skolastika. Waqt din il-kampanja, qed jiġu organizzati sessjonijiet ta’ qari flimkien fiċ-ċentri ta’ Skolasajf f’Malta u Għawdex. Dawn is-sessjonijiet ta’ qari għall-gost qed jingħataw minn animaturi tal-qari mħarrġa mill-Aġenzija. Ġie offrut ukoll il-programm ‘Għidli Storja/Tell Me a Story’ li qed isir f’erbatax-il ċentru ta’ Skolasajf. Barra minn hekk, matul dan is-sajf, l-Aġenzija baqgħet għaddejja wkoll bil-programmi Aqra Miegħi/Read with Me u Seħer l-Istejjer/The Magic of Stories, Gost il-Qari/The Pleasure of Reading f’libreriji, ċentri ta’ Skolasajf u postijiet pubbliċi.
It-tfal li matul is-sena skolastika attendew il-programm tal-litteriżmu għall-familja Nwar, Reading Recovery, Klabb Naħla, u Ħlewwet il-Qari, ingħataw l-opportunità jkomplu bl-istess programmi wkoll fis-sajf. Dawn it-tfal qed jingħataw attenzjoni individwali jew fi grupp żgħar ħafna minn tuturi mħarrġa apposta. It-tutors qed joffru sapport lill-istudenti u jesponuhom għal firxa ta’ kotba biex ikomplu jtejbu l-ħiliet tal-qari u l-fehim tagħhom.
L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu tħeġġeġ lill-ġenituri/kustodji tat-tfal biex iħeġġu lil uliedhom ikomplu jaqraw matul is-sajf. Il-punti li ġejjin huwa linji gwida għall-ġenituri:
- Isħqu ma’ wliedkom kemm hu importanti li fis-sajf jaqraw.
- Tkellmu fuq il-qari bħala attività ta’ gost.
- Araw li jkollkom lista ta’ kotba tal-qari xierqa għat-tfal tagħkom.
- Waqt il-ġurnata għandu jkun hemm ħin li fih it-tfal ma jkunux jistgħu jilagħbu logħob diġitali u/jew jaraw it-televiżjoni u minflok inkoraġġixxu attivitajiet edukattivi.
- L-għażla tal-kotba li jkunu se jaqraw it-tfal/l-istudenti għandha ssir minnhom stess.
- Fid-djar għandu jkun hemm materjal bħal kotba u rivisti xierqa li t-tfal jistgħu jaqraw.
- Staqsu lil uliedkom u ddiskutu magħhom il-kotba li jkunu qraw.
- Stabilixxu ħin matul il-ġurnata għall-irrakkuntar tal-istejjer.
- Isimgħu lil uliedkom jaqrawlkom il-kotba jew jirrakkontawhomlkom.
- Uru lil uliedkom kif għandhom jaqraw billi taqrawlhom u/jew taqraw magħhom.
- Uru interess fl-awturi jew serje ta’ kotba għal qalb uliedkom.
- Intom u tivvjaġġaw jew issiefru, isimgħu ktieb jew stejjer jinqraw fuq tablet jew smartphone.
Il-kampanja Aqra fis-Sajf tiġi organizzata mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. Min jixtieq aktar informazzjoni fuq il-kampanja, jista’ jżur il-paġna tal-Facebook ta’ Aqra fis-Sajf jew iċempel 2598 3324.