L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qiegħda taħdem ma’ Reading Recovery Europe biex ‘il quddiem l-intervent tar-Reading Recovery jibda jiġi offrut bil-Malti wkoll. L-intervent bil-Malti se jkun jismu ‘Ir-Rimonta fil-Qari’.
Wieħed mill-istadji bikrija ta’ dan il-proġett jinvolvi r-rikostruzzjoni ta’ għodda ta’ assessjar bil-lingwa Maltija. Bħalissa ninsabu fil-fażi fejn qed jiġi ttestjat l-assessjar ‘Stħarriġ ta’ Osservazzjoni tal-Ħiliet tal-Litteriżmu Miksuba fis-Snin Bikrin’ ma’ għadd ta’ studenti magħżula addoċċ. Dan qabel ikun jista’ jibda jintuża waqt l-intervent. L-ittestjar tal-assessjar għal din is-sena se jsir f’ewwel ġimgħat ta’ Ġunju 2024 ma’ madwar 500 student minn madwar Malta u Għawdex.
F’dawn l-aħħar ġimgħat, saru tliet sessjonijiet ta’ taħriġ (tnejn f’Malta u waħda f’Għawdex) għall-għalliema tar-Reading Recovery li offrew l-għajnuna tagħhom sabiex tiġi ttestjata din l-għodda tal-assessjar fl-iskejjel.