EducationMEYRSchool Initiative

8 Deheb ntrebħu minn studenti tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport

Tmienja deheb minn tlettax fost l-istudenti nazzjonali tal-isport fil-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar; Sophie St John kisret ir-rekord ta’ medalji f’dawn il-logħob bi tlieta deheb, waħda fidda u oħra bronż fil-ġinnastika artistika  

L-Iskola Nazzjonali tal-Isport kellha sehem impekkabbli fil-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar f’Andorra wara li tmien medalji tad-deheb minn tlettax li ntrebħu kienu ġejjin minn l-istudenti/atleti tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke. Kien hemm numru ta’ atleti li kienu fl-iskwadra Team Malta li kienu jew għadhom f’din l-iskola. L-għan prinċipali tal-iskola huwa li l-istudenti/atleti jkollhom il-possibilità li jitħarrġu waqt il-ħin tal-iskola għaldaqstant bla dubju l-livell hekk biss jista’ jogħla. Bħalissa hemm numru ta’ atleti/studenti li jinsabu barra mill-pajjiż igawdu minn xi tip ta’ scholarship fl-iskola u anka fid-dixxiplina tagħhom fosthom Julian Scerri fl-isquash kif ukoll Rachela Pace fl-atletika. L-iskola ħabbret li mill-medalji li ntrebħu 19 minn 56 ġew minn l-istudenti tagħha. Sophie St John, l-atleta li l-aktar spikkat f’dawn il-logħob u saħansitra anke kitbet l-istorja bir-rebħ ta’ 5 medalji hija waħda minn l-istudenti fl-10 sena. Sophie rebħet tliet medalji tad-deheb fil-ġinnastika artistika fosthom fit-tim, beam u vault kif ukoll fidda fl-overall u bronż fil-floor. Janet u Julia li wkoll bħalissa jattendu l-iskola nazzjonali tal-isport kienu kompetittivi f’dawn il-logħob. Julia rebħet medalja tad-deheb fit-tim kif ukoll fidda fil-floor filwaqt li oħtha rebħet deheb fit-tim. Lyana Curmi Inguanez hija studenta li għadha kif temmet l-eżamijiet tal-O’levels rebħet il-medalja tad-deheb fit-tim u kellha sehem impekkabbli sabiex tintrebaħ din il-medalja.  

 L-iskola tixtieq tieħu l-opportunità biex anka tirringrazja 14-il student/atleta li spiċċaw l-istudji tagħhom u kienu parti minn dan il-kontinġent din is-sena fosthom unur kbir li għamlu l-atleti minn l-għawm kif ukoll l-għawm artistiku.  

Fl-għawm spikkaw l-atleti li attendew l-iskola fosthom l-atleta brava Sasha Gatt li rebħet żewġ medalji tad-deheb fl-400m and 800m kif ukoll fidda fl-1,500m filwaqt li Michela Portelli rebħet fidda fl-400m medley u bronż fil-100m butterfly.  

 Fl-għawm artistiku Ana Culic rebħet medalja tad-deheb fid-duet kif ukoll medalja tal-bronż fis-solo tech. Zea Montfort rebħet medalja tad-deheb fid-duet u tnejn fidda fis-solo free u solo tech. Zea bħalissa qiegħda tkompli l-impenji tagħha fl-isport fi Spanja. Fl-atletika kien hemm tliet atleti li ħarġu minn l-iskola fosthom Alessia Cristina u Kurt Zahra li rebħu medalja tal-fidda fil-4x100m kif ukoll Josefa Micallef. Dixxiplina oħra li spikkat f’dawn il-logħob kien il-Karate; l-iskola temmen bi sħiħ f’dan i-isport għaldaqstant jidħlu l-iskola numru ta’ studenti/atleti li jridu jkomplu jitħarrġu iżjed. F’dawn il-logħob spikkat Jessica Vella li fl-ewwel jum tal-logħob rebħet medalja tad-deheb fil-kata kif ukoll marru tajjeb ħafna Amy Cunningham u Emma Mizzi li ħarġu minn liskola riċentament ukoll.  

Dixxiplina oħra li noffru t-taħriġ hija l-ġinnastika ritmika. Għalkemm ma ntrebħu l-ebda midalji l-iskola kienet rappreżentata minn Alyona Draguzja studenta tad-9 sena li kellha wirja stupenda kontra livell mondjali kif ukoll etajiet ferm akbar.  

Fit-tennis spikka Alex Degabriele li kellu wirjiet spettakolari u fis-singles rebaħ il-medalja tal-bronż u oħra fidda fil-mixed doubles filwaqt li Emma Montebello kienet parti wkoll minn l-iskwadra bħala riserva għat-tieni sena konsekuttiva. Fir-Rugby 7’s, wieħed mill-leaders tat-tim kellna wkoll lil Jethro Zammit Randich li flimkien mat-tim rebħu medalja tal-bronż.  

Fiċ-ċikliżmu għalkemm il-livell f’dawn il-logħob dejjem qiegħed jikber u jikber bl-atleti professjonali li qed ikun hemm madankollu Luke Borg kellu wirja tajba mat-tim tiegħu fil-mountain bike u dan ukoll kien student tal-Iskola.  

Mal-atleti kellna wkoll għalliema li tifforma parti minn l-iskwarda tat-tim nazzjonali għal bosta snin Ms. Rosalie Borg fl-atletika fejn kisbet ir-raba’ post fl-isteeplechase.  

Total ta’ 19-il medalja minn 56 fosthom 8 deheb minn 13, 6 fidda minn 24 u 5 bronż minn 19 li ntrebħu. Persentaġġ ta’ 34% kien il-medalji minn l-istudenti tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport li kienu jew inkella għadhom jattendu.  

Indikazzjoni ċara kemm il-proċess huwa importanti sabiex tarha l-frott. L-iskola Nazzjonali tal-Isport temmen bi sħiħ f’dawn l-atleti/studenti u qed tibqa’ tinvesti iżjed biex ikomplu jingħataw aktar kampijiet ta’ taħriġ kif ukoll lezzjonijiet online meta l-atleti/studeni jagħmlu żminijiet barra mill-pajjiż minħabba taħriġ u kompetizzjonijiet.