Nhar il-Ġimgħa, 10 ta’ Ottubru 2025, saret iċ-ċelebrazzjoni tal-għoti tal-premjijiet lill-istudenti li ħadu sehem fil-kompetizzjoni tal-Jum Ewropew tal-Lingwi, 2025. Din il-kompetizzjoni, organizzata mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu bis-sehem tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, għandha l-għan li tħeġġeġ lit-tfal jesploraw ilsna barranin u japprezzaw id-diversità lingwistika u kulturali tal-Ewropa.
L-istudenti li ħadu sehem urew ħila u kreattività straordinarja permezz ta’ filmati oriġinali li fihom tkellmu, irreċtaw jew kantaw f’lingwa Ewropea li normalment ma jużawx fil-ħajja ta’ kuljum. Huma għamlu dan individwalment jew f’timijiet. Il-filmati kienu xhieda tal-passjoni u l-imħabba tagħhom lejn il-lingwi u l-arti.
Matul iċ-ċerimonja, ingħataw erbatax-il premju lil dawn l-istudenti bħala rikonoxximent għall-ħidma tagħhom. Il-kompetizzjoni mhux biss saħħet il-ħiliet lingwistiċi tagħhom, iżda wkoll għenet biex tissaħħaħ l-identità Ewropea komuni li tgħaqqadna permezz tal-lingwa, il-kultura u l-espressjoni artistika.
Nawguraw lil dawn l-istudenti kull suċċess fil-vjaġġ edukattiv tagħhom, b’mod speċjali fit-tagħlim tal-lingwi.





