It-tfal u ż-żgħażagħ tagħna huma l-pijunieri tas-soċjeta’ tagħna u l-edukazzjoni mhix biss iċ-ċavetta ewlenija tal-mobbilita’ soċjali għal kull individwu iżda wkoll is-sinsla tal-progress tagħna bħala nazzjon. Għal dan il-għan lesti li naħdmu u anke jekk hemm bżonn inbiddlu jew naġġornaw xi sistema edukattiva jew indaħħlu xi miżuri ġodda biex jirnexxi tifel jew tifla waħda lesti u ppreparati li norqdux fuqha. L-interess tagħna huwa li t-tfal u z-żgħażagħ tagħna jirnexxu fuq il-prospetti futuri tagħhom. Mill-2013 ħdimna lejn edukazzjoni vasta u interessanti u rajna mill-qrib x’verament jinteressahom l-istudenti.

Bħala parti mit-tiġdid fl-iskejjel, ser inkunu qed ninvestu sostanzjalment fit-tagħlim ta’ aktar suġġetti vokazzjonali u applikati fl-iskejjel sekondarji. Permezz ta’ ‘My Journey: Achieving through different paths’ ser nkunu qed ninvestu f’laboratorji u f’workshops ġodda għal tal-anqas 9 suġġetti vokazzjonali u applikati. Ser inkunu qed ninstallaw workshops ġodda għat-tagħlim vokazzjonali u applikat u dawn is-suġġetti ser ikunu introdotti f’Settembru 2019. Ser inkunu qed nippreparaw għar-riżorsi umani neċessarji b’mod immedjat biex din titħaddem bl-aħjar mod. Dan ser nagħmluh b’kollaborazzjoni mal-Fakulta’ tal-Edukazzjoni fl-Universita’ ta’ Malta, mal-Istitut għall-Edukazzjoni u mal-MCAST. Qed nikkollaboraw ukoll mal-Universita’ Fillandiża Haaga Helia University of Applied Science.

Hekk kif komplejna ngħinu lill-istudenti li ma’ għaddewx mill-core subject tal-O’ levels biex fis-sajf, ħejjejna ‘revision classes’ bla ħlas li fuq medda ta’ erba snin tajna għajnuna lil madwar 4300 student u mhux ser nieqfu hawn iżda ser inkomplu ndaħħlu inizjattivi simili fejn intlaqtu tajjeb ħafna minn bosta studenti u ġenituri.

Is-Sena li għaddiet fetħu l-applikazzjoniijiet għall-eżamijiet tal-MATSEC b’roħs bin-nofs fil-miżat. Kif imwiegħed fil-budget u fil-manifest tal-Gvern, is-sena li għaddiet r-roħs kien bin-nofs, filwaqt li minn din is-sena se jkunu b’xejn. L-għan aħħari ta’ din il-miżura hu li l-edukazzjoni tkun aktar aċċessibbli għal kulħadd.  Din il-miżura se tnaqqas id-diffikultaijiet finanzjarji li setgħu kienu qed iwasslu biex student ma jagħmilx dawn l-eżamijiet.    Ftit tax-xhur ilu, għall-ewwel darba wkoll, il-past papers tal-O-levels u anke tal-A-levels tal- MATSEC jinsabu aċċessibbli għall-pubbliku b’xejn.

Qed inkomplu ninvestu fil-bini ta’ skejjel ġodda mgħammrin bl-aqwa infrastruttura u teknoloġija għall-immodernizzar tal-iskejjel tagħna fejn l-istudenti u l-edukaturi jkollom il-faċilitajiet li hemm bżonn.

Ser inkunu qed niffukaw b’mod tanġibli fuq l-edukazzjoni inklussiva u se naraw li nkomplu ntejbu s-servizzi li studenti li għandhom bżonn is-sapport u l-assistenza fit-tagħlim tagħhom. Se nkunu qegħdin nintroduċu proġett pilota li permezz tiegħu noffru servizzi ġodda fil-qasam tal-awtiżmu.  Se naraw li l-ambjent tal-iskejjel ikun addattat għall-istudenti li għandhom il-kundizzjonijiet tal-awtiżmu biex huma jibdew iħossuhom aktar komdi u siguri meta jkunu fl-iskola.   Il-Learning Support Assistants, l-għalliema u l-istaff, jingħataw taħriġ fis-servizzi psiko-soċjali sabiex ikunu mħejjijin għar-realtajiet tal-iskejjel.  Se jkun hemm aktar Kulleġġi tal-Istat li se jiġu mgħammra b’multi-sensory rooms.

It-teknologija fil-klassi tista tilghab rwol importanti biex noffru esperjenza edukattiva ahjar. Matul dawn l-aħħar erba snin armajna l-iskejjel bl-Interactive Whiteboard u bl-all-in-one kompjuter, u ntroduċejna t-3D printers u 3D scanners fil-laboratorji tad-Disinn u t-Teknoloġija, u għat-tieni sena konsekuttiva se nkomplu nifirxu l-inizjattiva ta’ One Tablet Per Child u li issa jkollna t-tfal kollha tar-Raba’ u l-Ħames sena fl-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti jibbenefikaw minn din l-inizjattiva.

Min din is-sena skolastika ġdida ftaħna l-bibien ta’ l-iskola Visual and Performing Arts b’kunċett innovattiv u l-ewwel tax-xorti tagħha li mas-sitta u erbgħin student ser jispeċjalizzaw f’ erba’ forom ta’ arti li huma drama, mużika, żfin u media kif ukoll ġew armati studios speċjalizzati attrezzatti għas-suġġetti msemmija.

L-għan kruċjali huwa li noffru esperjenza edukattiva li jiffoka fuq it-titjib tal-kwalita’ ta’ tagħlim u noffru taħriġ u ħiliet meħtieġa.

Evarist Bartolo

Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol