Illum ġie mniedi l-ewwel qafas ta’ politika nazzjonali dwar il-homework mill-edukazzjoni bikrija sa tmiem iċ-ċiklu sekondarji.
Din il-politika hija riżultat kemm ta’ riċerka dwar dan is-suġġett u kif ukoll ta’ esperjenzi ta’ għalliema, studenti u ġenituri.Din hija riżultat ta’ każijiet ta’ homework ezaġerat li jista’ jkun qed jingħata lit-tfal, il-pressjoni u l-ġlieda mal-ħin li dan iġib miegħu ta’ kuljum, u n-nuqqas ta’ ħin meħtieġ biex it-tfal ikunu jistgħu jilgħabu, jistriħu u jirrilassaw, jissoċjalizzaw u jipprattikaw xi forma ta’ sport jew attivita’ kulturali.
Kien ilu jinħass il-bżonn biex jiddaħħal sens ta’ bilanċ li bih ma jittellef xejn mit-tagħlim tat-tfal. Għalhekk din il-politika mhix tippromwovi li jitneħħa l-homework, imma li dan għandu jibqa’ parti mill-esperjenza edukattiva f’qafas ċar li għandu l-għan li jibbilanċja bejn il-bżonnijiet edukattivi u dawk individwali.
Waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni tal-istudenti fl-iskola primarja tan-Naxxar mal-Ministru Evarist Bartolo ġiet mnedija din il-politika fuq il-homework. Dawn it-tip ta’ laqgħat isiru kull ftit xhur f’diversi skejjel primarji, medji u sekondarji madwar Malta u Għawdex.
Il-politika tipproponi dawn il-linji gwida:
Kindergarten – L-ebda homework
Sena 1-2 tal-Primarja – Sa massimu ta’ 20 minuta kuljum
Sena 3-6 tal-Primarja – Sa massimu ta’ 30 minuta kuljum
Sena 7-8 fil-livell Medju – Sa massimu ta’ siegħa kuljum
Sena 9 -11 fil-livell Sekondarju – Sa massimu ta’ 8 siegħat fil-ġimgħa
F’kumment li ta il-Ministru Evarst Bartolo fit-tnedija ta’ din il-politika huwa qal:
“It-tfal li diġa’ għandhom skeda mimlija se jsibu iżjed bilanċ u nifs b’dawn il-linji. Pero’ nixtiequ naraw lil dawk it-tfal li ma jieħdux sehem f’attivitajiet sportivi, soċjali u kulturali bħalissa biex jieħdu din l-opportunita’ u jużaw il-ħin b’mod għaqli.
Nistieden lil ġenituri biex iħeġġu lit-tfal tagħhom jikkunsidraw li jissieħbu f’xi għaqda sportiva jew jieħdu sehem f’xi attivita’ kulturali jew ta’ volontarjat. Inqas homework m’għandux ifisser iktar televiżjoni jew logħob quddiem skrin, imma ħajja iktar miftuha. Anke hawnhekk, nerġgħu nisħqu kemm hu importanti l-qari, kemm b’mod indipendenti u kemm bħala familja.”