Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima, ippreżenta 319-il warrant tal-professjoni lill-għalliema li ħafna minnhom huma ġodda u għamlu perjodu ta’ taħriġ fit-tagħlim u llum qed jgħallmu fl-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja jew f’dawk Indipendenti.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima filwaqt li awgura lil dawn l-għalliema, qal li l-Gvern qed jinvesti bis-sħiħ fl-edukazzjoni ta’ uliedna. L-għalliema huma fid-dmir li jgħinu lil kull sudent li jemmen aktar fil-ħiliet tiegħu u jkomplu jiżviluppaw mezzi li bihom it-tagħlim ikun aktar effettiv biex l-istudenti jkunu aktar kreattivi u titkattar fihom l-indipendenza tal-ħsieb u l-kapaċità li jitgħallmu weħidhom.
“Il-warrant hu xhieda li persuna tista’ teżerċita l-professjoni ta’ għalliem, ipoġġi responsabbiltà kbira fuq dawk li jirċievuh billi huma se jkunu fdati bl-edukazzjoni tal-aktar ħaġa għażiża li għandha s-soċjetà, li hija uliedna,” tenna s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima.
Waqt din iċ-ċeremonja l-għalliema għamlu wegħda li jgħożżu lill-istudenti fil-kura tagħhom, jagħrfu l-individwalità tagħhom u jaċċettawhom kif inhuma, jgħinuhom jemmnu fil-ħiliet tagħhom u biex ikomplu jiżviluppawhom, li ma jaċċettawx l-abbuż verbali, emozzjonali u fiżiku fuq it-tfal, li jkunu ta’ eżempju għall-istudenti u li josservaw il-kodiċi ta’ etika, stipulat fil-Liġi tal-Edukazzjoni.
Fiċ-ċerimonja tal-għoti tal-warrants lill-għalliema, ingħataw il-warrant 319-il persuna, 240 mara u 79 raġel. Il-liġi dwar l-edukazzjoni tistipula kif persuna jikkwalifika għalwarrant ta’ għalliem. Persuna tkun eliġibbli għal warrant permanenti jekk tkun fil-pussess ta’ kwalifika fit-tagħlim rikonoxxuta mill-Kunsill dwar il-Professjoni tal-Għalliema u sentejn ta prattika sodisfaċenti fit-tagħlim.
Persuna li tkun prattikat il-professjoni għal mhux anqas minn tmien snin qabel id-29 ta’ Lulju 2008 tkun eliġibbli għal warrant permanenti wara ħmistax-il sena servizz. Persuni li huma fil-pussess ta’ degree fil-livell ta’ Masters jew grad komparabbli u applikaw biex isegwu l-kors li jwassal għal din il-kwalifika qabel id-29 ta’ Lulju 2008, huma eliġibbli għal warrant permanenti.
Il-Kunsill dwar il-Professjoni tal-Għalliema f’Malta huwa r-regolatur tal-professjoni tal-għalliema. L-għan huwa li jgħolli l-istatus tal-għalliema billi jżomm u jippromwovi l-ogħla livelli ta’ kondotta u prattika professjonali fl-interess tal-għalliema, studenti, ġenituri u l-komunità. Il-Kunsill jara kif l-edukazzjoni u l-istandards tal-għalliema qed jiġu miżmuma u msaħħa. Il-Kunsill iqis ukoll jekk persuna tkunx kapaċi tippratika l-professjoni ta’ għalliem.