L-istudenti tal-Ekoskola tal-Iskola Medja tal-Kulleġġ San Injazju ċċelebraw il-‘farewell’ tal-istudenti tat-Tmien Sena (Form 2) b’inizjattiva favur l-ambjent. Meta ssemma l-ħsieb li jintefgħu l-bżieżaq fl-arja bħala ċelebrazzjoni, il-kumitat Ekoskola mill-ewwel biddel din l-inizjattiva, u grazzi għal Assistent Kap, is-Sa Rosann Mifsud u għal ħaddiem tal-komunità s-Sur Brian Pace, minflok bżieżaq ġie miftiehem li jittajru ħamiem domestiku.
Il-ħamiem domestiku jerġa’ lura fil-gallinar ta’ sidu filwaqt li l-bżieżaq minkejja l-kuluri sbieħ, fi ftit ħin jinfaqgħu u jispiċċaw fl-art jew fil-baħar. Dan jirriżulta f’ħafna ħsara lill-ambjent, fosthom ħut u fkieren li jmutu billi jippruvaw jibilgħu l-fdalijiet tal-bżieżaq li jaħsbuhom bram.
Is-Sur Josef Azzopardi, Assistent Kap u responsabbli mill-Ekoskola fl-istess skola, sema li matul is-snin, in-Nature Trust f’isem l-Ekoskola dejjem ħadmet biex trawwem studenti b’valuri favur l-ambjent u trawwim fl-istudenti valuri ambjentali, speċjalment biex ’il quddiem ikunu ċittadini u mexxejja konxji tal-ambjent ta’ madwarhom.
Parti mill-programm kien li l-istudenti jduru dawra fuq vapur madwar il-portijiet Maltin u fil-bidu tal-mawra ġie spjegat għala se ntajru l-ħamiem flok il-bżieżaq. L-istudenti kellhom f’idejhom posters bi slogans: What goes up, must come down!, u Intajru l-ħamiem minflok il-bżieżaq għax aħna favur l-ambjent. Xi wħud żammew il-bandiera l-ħadra tal-Ekoskola filwaqt li studenti oħra tajru l-ħamiem. Filwaqt li l-istudenti ħadu gost itajru l-ħamiem, huma tgħallmu li nistgħu niċċelebraw mingħajr ma nagħmlu ħsara lill-ambjent.
Din l-inizjattiva jidher ġiet apprezzata ferm mis-Sinjura Camilla Appelgren ta’ Clean Up Malta li issa ġiet meqjusa bħala kampanja fuq bażi nazzjonali.