STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jemmen li t-tfal għandhom talenti differenti u l-għan huwa li nilħqu dawn l-istudenti bl-aħjar mod possibbli. Bl-inizjattiva ta’ My Journey se tkun qed tintlaħaq din il-mira kemm għall-istudenti kif ukoll għall-edukaturi.

Il-pjan ta’ azzjoni ta’ My Journey qed jitwettaq u bħalissa studenti, edukaturi u ġenituri qed jattendu l-fiera nazzjonali ‘Choice of Subjects’ li qed titella’ f’lukanda ewlenija fil-Furjana fejn qed jiġu diskussi s-suġġetti li jistgħu jagħżlu għas-sena li ġejja.

Kif il-ministeru ilu jispjega għal dawn l-aħħar snin, minn Settembru li ġej se jibdew jiġu introdotti suġġetti vokazzjonali u applikati li se jkunu qed jingħaqdu mal-bqija tas-suġġetti eżistenti.

Ir-rispons inizjali kien wieħed pożittiv ħafna li jkompli jagħti kuraġġ lill-ministeru u lil dawk kollha li se jkunu parti minn din il-mixja għal futur fejn qed nagħtu aktar opportunitajiet lil aktar studenti.

Matul din il-ġimgħa se jsiru numru ta’ laqgħat mal-ġenituri sabiex nispjegaw fuq bażi individwali l-opportunitajiet li qed jinfetħu għat-tfal tagħhom.

My Journey kien mibni b’konsultazzjoni sħiħa mal-istakeholders kollha, inluż mal-MUT u  issa qed nibdew naraw it-twettiq ta’ din l-inizjattiva.

Is-suġġetti vokazzjonali mhumiex kwistjoni tal-ewwel u t-tieni klassi. Kif fil-passat sar investiment b’riżorsi ġodda għal suġġetti oħra issa qed isir investiment ukoll f’dan il-qasam.

Il-fażi li jmiss ta’ My Journey se tikkonsisti f’dan:

1)      Fi Frar huwa pjanat li jsir programm ta’ taħriġ għal għalliema preżenti li jixtiequ jgħallmu dawn is-suġġetti

2)      Il-Fakultà tal-Edukazzjoni tal-Università ta’ Malta u l-Istitut għall-Edukazzjoni qed idaħħlu programmi ta’ taħriġ f’dawn is-suġġetti vokazzjonali fil-programmi tagħhom

3)      Fil-ġimgħat li ġejjin se joħorġu diversi sejħiet pubbliċi għall-edukaturi sabiex jgħallmu  dawn is-suġġetti.

Il-Ministeru qed jagħti opportunità ġdida kemm lill-edukaturi kif ukoll lill-istudenti, u huwa importanti li l-MUT tkun ta’ appoġġ u parti minn din l-inizjattiva hekk kif hemm qbil unanimu kemm lokali kif ukoll internazzjonli li dawn ir-riformi huma ta’ ġid għall-istudenti.