Fiċ-ċirkostanza straordinarja kkawżata minn COVID-19, u li Malta u l-bqija tad-dinja jinsabu għaddejjin minnha, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, wara li għalaq l-iskejjel mit-13 ta’ Marzu sa tmiem il-bqija ta’ din is-sena skolastika, irnexxielu jikkoordina numru mdaqqas ta’ laqgħat varji u jsib il-koperazzjoni sħiħa tal-imsieħba ewlenin fis-settur edukattiv. Fost l-imsieħba li taw is-sehem sħiħ tagħhom huma d-Dipartimenti fil-Ministeru, rappreżentanti tal-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti, il-MATSEC, l-MCAST, l-Unversità ta’ Malta, l-Unjin Maltija għall-Għalliema, il-Kunsill tal-Istudenti tal-Università u l-Kunsill tal-Istudenti tal-Junior College.
Il-Ministeru, bis-sehem tal-imsieħba kollha, ippubblika pjanijiet Nazzjonali komprensivi li se jwasslu sal-ftuħ tas-sena skolastika u akkademika 2020-2021. Il-pjan huwa wieħed sħiħ u jkopri l-livelli kollha fis-settur edukattiv mill-kindergarten u l-primarja sal-Università ta’ Malta u l-MCAST. Dan il-pjan jispjega kif it-tfal u l-istudenti se jitilgħu minn sena għal oħra tul iċ-ċikli u l-livelli kollha tul il-vjaġġ edukattiv tagħhom, x’se jsir mill-eżamijiet, l-introduzzjoni tal-marka predittiva minflok l-eżamijiet tas-SEC u l-opportunità biex l-istudenti jagħmlu s-SEC f’Settembru, meta se jsiru l-MATSEC Intermedju u Avvanzat, id-dħul tal-istudenti fl-istituzzjonijiet post-sekondarji u d-dħul ta’ studenti b’mod proviżorju anke fl-Università, l-MCAST u l-ITS.
Għandek xi mistoqsija dwar dan kollu u aktar? Ara l-Mistoqsijiet u t-Tweġibiet:
TWEĠIBIET GĦAL MISTOQSIJIET FREKWENTI
Skejjel Primarji, Medji u Sekondarji
Meta se jerġgħu jiftħu l-iskejjel?
Il-Gvern ħabbar li l-iskejjel mhux se jerġgħu jiftħu għal din is-sena skolastika. Aktar tħabbiriet mill-Gvern jingħataw fuq l-istazzjonijiet pubbliċi u wkoll permezz ta’ mezzi oħra ta’ komunikazzjoni.
L-eżamijiet annwali se jsiru?
Le, l-istudenti kollha minn Year 4 sa’ Year 10 mhux se jkollhom eżamijiet annwali f’Ġunju li ġej.
L-istudenti kif se jimxu għas-sena skolastika li jmiss?
L-istudenti kollha minn Kinder 1 sa’ Year 10 se jitilgħu għas-sena li jmiss fis-sena skolastika li ġejja (2020-2021). L-istudenti minn Kinder 1 sa’ Year 5 se jitilgħu għas-sena li jmisshom fl-istess grupp tal-klassi kif stipulat mill-Kap tal-Iskola.
L-istudenti f’Year 6 se jitilgħu għal Year 7 fl-Iskola Medja. Il-klassijiet f’Year 7 se jkunu magħmula skont il-marki miksuba f’Year 6 u Year 5 fl-Ingliż, fil-Malti u fil-Matematika, skont l-ozzjoni tal-lingwa magħżula, skont suġġetti oħra magħżula u wkoll skont kif stipulat mill-Kap tal-Iskola.
L-istudenti f’Year 7, Year 9 u Year 10 ukoll se jitilgħu għas-sena li jmisshom/formazzjoni tal-klassi hekk kif stipulat mill-Kap tal-Iskola.
L-istudenti f’Year 8 se jitilgħu għal Year 9 fl-Iskola Sekondarja. Il-klassijiet f’Year 9 se jkunu ffurmati skont l-ozzjonijiet tas-suġġetti magħżula u wkoll kif stipulat mill-Kap tal-Iskola.
Assessments u Rapporti tal-Iskejjel Primarji, Medji u Sekondarji
Se jsir l-assessment tal-benchmark f’Year 6?
Le, l-assessment tal-benchmark mhux se jsir.
L-iskejjel se jippubblikaw ir-rapporti tal-assessments fuq MySchool fi tmiem din is-sena skolastika?
Le, ir-rapporti tal-progress tal-istudent/a tal-aħħar tas-sena għall-kumplament ta’ din is-sena skolastika mhux se jintbgħatu lill-ġenituri. Mhux se jkun hemm pubblikazzjoni tal-marki tal-assessments jew tal-immarkar tal-broad learning outcomes fuq MySchool għall-kumplament ta’ din is-sena skolastika.
Tagħlim Onlajn fl-Edukazzjoni Obbligatorja
Is-sapport onlajn mill-għalliema se jkompli matul il-kumplament tas-sena skolastika?
Iva, is-sapport onlajn mill-għalliema fl-iskejjel primarji, medji u sekondarji u wkoll post-sekondarji se jkompli sa’ tmiem din is-sena skolastika. Huwa importanti li l-istudenti jkomplu għaddejjin bix-xogħol tal-iskola sa’ tmiem din is-sena skolastika.
Għal mistoqsijiet dwar it-tagħlim onlajn żur is-sit digitalliteracy.skola.edu.mt jew ibgħat emejl lil [email protected] għal riżorsi edukattivi żur is-sit www.curriculum.gov.mt
Secondary Education Certificate (SEC)
L-eżamijiet tas-Sec se jibdew mit-23 ta’ April 2020?
Le, is-sessjoni li hija magħrufa aħjar bħala s-Sessjoni Prinċipali ġiet kanċellata u minfloka se jkun hemm sessjoni ġdida f’Settembru 2020, dejjem jekk l-Awtoritajiet Nazzjonali tas-Saħħa ma jagħtux parir biex din id-data tkun posposta.
Jiena rreġistrajt bħala kandidat/a f’isem l-iskola biex nagħti xi suġġetti fis-Sessjoni Prinċipali. Se ningħata ċ-ċertifikat tas-SEC?
Tingħata ċ-ċertifikat uffiċjali tas-SEC wara analiżi tal-informazzjoni mogħtija mill-iskejjel tal-Gvern jew dawk tal-Knisja jew Indipendenti lill-Bord tal-MATSEC.
Il-Bord tal-MATSEC kif se jasal għaċ-ċertifikat tas-SEC?
Il-Bord tal-MATSEC se jitlob mill-iskola tal-kandidat/a, il-marka/i miġjuba fl-eżamijiet tal-mock tal-iskola rispettiva. L-iskola rispettiva se tintalab ukoll biex tgħaddi lill-Bord tal-MATSEC ċertu dokumentazzjoni bħall-karti tal-eżamijiet, skemi tal-marki u wkoll il-karti kkoreġuti tas-suġġetti kollha tal-istudenti kollha. Umbgħad tiġi applikata proċedura ta’ standardiżazzjoni biex il-kandidat/a jingħata/tingħata livell predittiv f’kull suġġett li l-kandidat/a jkun/tkun irreġistrat għalih u li jkun ġust kemm għall-kandidat/a u wkoll għall-istudenti kollha.
Se jingħataw gradi fiċ-ċertifikat tas-SEC?
Le. Il-gradi mhux se jkunu ppubblikati. Minflok, f’kull suġġett, il-kandidat/a se jingħata/tingħata ċ-ċertifikat f’wieħed miż-żewġ livelli tal-Malta Qualifications Framework (MQF): Livell 3 jew Livell 2. Kandidat/a ikun/tkun falla/falliet fis-suġġett meta l-prestazzjoni tiegħu/tagħha tkun inqas mil-Livell 2.
Jien applikajt bħala kandidat/a b’mod privat. Se nkun eliġibbli għal ċertifikat ibbażat fuq livell predittiv?
Le, bħala kandidat/a privat/a se jkollok tirreġistra għas-sessjoni l-ġdida ta’ Settembru 2020.
Jien ma rreġistrajtx għall-eżamijiet tas-SEC, imma għamilt il-mocks tal-iskola. Se ningħata livell predittiv?
Le. Il-livelli predittivi se jingħataw biss lill-kandidati li applikaw f’isem l-iskola li rreġistraw għas-Sessjoni Prinċipali li kellha ssir f’Mejju 2020.
X’ifissru Livell 3 u Livell 2 tal-Malta Qualifications Framework (MQF)?
Livell 3 huwa l-livell milħuq mistenni minn studenti li jkunu temmew l-edukazzjoni sekondarja obbligatorja. Livell 2 jindika li l-istudent/a jkun/tkun kważi laħaq/laħqet il-livell mistenni.
X’inhu l-ekwivalenti ta’ Livell 3 u Livell 2 tal-Malta Qualifications Framework (MQF) fil-gradi tas-SEC?
L-ewwel 5 gradi, jiġifieri: 1, 2, 3, 4, u 5 tal-Livelli MQF huma Livell 3. Il-gradi 6 u 7 huma meqjusa bħala MQF Livell 2. Biex l-istudenti jkunu jistgħu jkomlu għas-sixth form, il-livell mistenni huwa MQF Livell 3. Madankollu hemm stituzzjonijiet post-sekondarji oħra li jaċċettaw studenti li jkunu ġabu MQF f’Livell 2.
Għalfejn qed jingħataw livelli minflok gradi?
Kull skola tipprepara l-eżamijiet tal-mock tagħha, imma l-Bord tal-MATSEC għandu sett wieħed ta’ karti tal-eżamijiet għal kull suġġett għall-istudenti kollha li joqgħodu għall-eżami. L-iskejjel għandhom eżaminaturi differenti li jimmarkaw il-karti tal-eżamijiet, imma l-Bord tal-MATSEC għandu sett ta’ eżaminaturi għal kull suġġett. Għalhekk, l-eżami tas-SEC stabbilit mill-Bord tal-MATSEC jiżgura li jkun hemm standariżazzjoni fis-suġġetti kollha u l-gradi mogħtija lill-istudenti jkunu ġusti u validi. L-irfinar li jsir biex jingħataw il-gradi m’huwiex possibbli li jsir minħabba ċ-ċirkostanzi ta’ bħalissa. Minflok, se jingħataw livelli MQF (Livell 3 jew Livell 2) li hija l-miżura l-aktar ġusta biex l-istudenti jkunu jistgħu jkomplu għaddejjin bl-istudji tagħhom mingħajr ma jkunu mxekkla minn dawn iċ-ċirkostanzi sfortunati u straordinarji li għaddejjin minnhom.
Il-livelli tas-SEC li se joħorġu f’Lulju 2020 se jkunu aċċettati għad-dħul fl-Università ta’ Malta?
Livell 3 tas-SEC f’tliet suġġetti obbligatorji (L-Ilsien Ingliż, il-Malti u l-Matematika) jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-dħul għall-Università ta’ Malta.
X’jiġri jekk kont ma niflaħx għal suġġett jew aktar minn suġġett wieħed fl-eżamijiet tal-mock, jew jekk l-iskola ma laħqitx għamlet il-mock minħabba l-imxija tal-pandemija COVID-19?
Il-Bord tal-MATSEC se jkun f’pożizzjoni li joħroġ biss il-livell predittiv jekk student/a għamel/għamlet l-eżamijiet tal-mock. Jekk student/a falla/falliet milli tagħmel l-eżamijiet tal-mock għal xi raġuni jew oħra, se jkun/tkun eliġibbli għas-sessjoni ta’ Settembru 2020 jekk l-istudent/a ikun/tkun irreġistra/irreġistrat għal dan is-suġġett jew suġġetti għas-Sessjoni Prinċipali. Madankollu, jekk iġġib Livell 3 fis-Secondary School Certificate and Profile (SSC&P), għal din is-sena biss il-Junior College se jaċċettak bħala student/a sakemm joħorġu r-riżultati tas-sessjoni ta’ Settembru, li se jkunu ppubblikati f’Novembru 2020. Jekk student/a jġib/iġġib ta’ lanqas 3 passes ta’ Grad 5 jew grad aħjar fi kwalunkwe suġġett, ikun/tkun jista’/tista’ tkompli bil-kors bħala student/a bi prova. Jekk le, l-istudent/a ikollu/ikollha jirtira/tirtira mill-kors. Ara s-Sezzjoni: Dħul fil-Junior College.
Meta se nirċievi r-riżultati?
Il-Bord tal-MATSEC għandu l-intenzjoni li jippubblika l-livelli predittivi kif ippjanat fil-15 ta’ Lulju 2020.
Jiena għamilt il-practicals għal dawk is-suġġetti li fis-sillabu tas-SEC jinkludi komponent prattiku. Il-marki tal-practicals se jkunu nklużi fiċ-ċertifikat li se jingħata?
Iva, il-marka tal-practicals li tlestew se tkun inkluża fiċ-ċertifikat tal-livell predittiv.
Se nkun nista’ nappella jekk ma nkunx kuntent/a bil-livell li se ningħata?
Le. M’hux possibbli li jsir appell fuq il-livell li se jingħata. Madankollu, jekk m’intix sodisfatt/a bil-livell imbassar li se tingħata, tista’ tagħżel li toqgħod għas-sessjoni li se ssir f’Settembru 2020 u f’din is-sessjoni tkun tista’ ġġib grad minn 1 sa 5, jew minn 4 sa 7 skont kif tmur fl-eżami.
Se jkun hemm resit għal min ma jkunx kuntent bir-riżultat miġjub fis-sessjoni ta’ Settembru 2020?
Le, mhux se jkun hemm resits wara s-sessjoni ta’ Settembru 2020.
Hemm bżonn napplika biex noqgħod għas-sessjoni ta’ Settembru 2020?
Iva, jekk tixtieq toqgħod għal eżami jew aktar fis-sessjoni ta’ Settembru 2020 inti trid tapplika matul il-perjodu li tinfetaħ ir-reġistrazzjoni wara li jkunu ppubblikati l-livelli mbassra mill-Bord tal-MATSEC.
Min jista’ jagħmel eżamijiet fis-sessjoni ta’ Settembru 2020?
Kull min applika biex jagħmel eżamijiet fis-Sessjoni Prinċipali jista’ japplika biex joqgħod għall-eżamijiet tas-sessjoni ta’ Settembru 2020.
Nista’ nagħżel Paper IIA fis-sessjoni ta’ Settembru 2020?
Iva. Fis-sessjoni ta’ Settembbru 2020 se tingħata l-ozzjoni li tagħżel Paper IIA jew Paper IIB.
Kemm se ddum is-sessjoni li se ssir f’Settembru 2020?
Is-sessjoni ta’ Settembru 2020 se tkun ta’ 6 ġimgħat minflok it-12-il ġimgħa tas-soltu. B’differenza mis-sessjoni tas-soltu tar-resit ta’ Settembru, se jkun hemm għażla tas-suġġetti kollha. L-eżamijiet huma ppjanati li jibdew fil-31 ta’ Awwissu 2020 u jispiċċaw fl-10 ta’ Ottubru 2020.
Fis-sessjoni ta’ Settembru 2020 se jkunu nklużi t-Taħdit (Oral Comprehenension) u Fehem is-Smiegħ (Listening Comprehension) tas-SEC u l-eżamijiet tal-komponenti prattiċi?
Le, dawn mhux se jkunu nklużi biex ikun żgurat li l-eżamijiet bil-miktub tas-suġġetti kollha jkunu jistgħu jsiru u wkoll biex ir-riżultati kollha jkunu jistgħu joħorġu mhux aktar tard mis-6 ta’ Novembru 2020. Madankollu l-kandidati se jingħataw il-marki massimi li s-soltu huma allokati għal dawn is-suġġetti msemmija.
Fejn nista’ nsib past papers tas-SEC u wkoll l-iskemi tal-marki?
Il-past papers tas-SEC jistgħu jinstabu fis-sit https://www.um.edu.mt/matsec/pastpapers/S
L-iskemi tal-marki għal uħud mis-suġġetti jsitgħu jinstabu fis-sit https://www.um.edu.mt/matsec/assessment/markingscheme
Dħul fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport
Kif se jsir id-dħul għall-Iskola Nazzjonali tal-Isport?
Il-kriterji tad-dħul li ntużaw fis-snin preċedenti se jkunu applikati għas-sena skolastika li jmiss. Din is-sena mhux se jkun hemm riżultati tal-eżamijiet tal-benchmark, b’hekk għas-sena skolastika li jmiss dawn mhux se jkunu kkunsidrati għad-dħul għal dawn l-iskejjel. Madankollu, lejn tmiem Awwissu jew il-bidu ta’ Settembru se jsir eżami għad-dħul fil-Matematika, fl-Ingliż u fil-Malti għall-applikanti. Dan l-eżami se jkun ibbażat fuq is-sillabu ta’ Year 6 u din is-sena se tittieħed kunsiderazzjoni tal-interruzzjoni li kien hemm minħabba l-għeluq tal-iskejjel. Aktar dettalji se jintbagħtu lill-applikanti fi żmien xieraq. Għalhekk l-istess kriterji se jkomplu jkunu applikati għad-dħul li jmiss u r-riżultat tal-eżami tad-dħul se jieħu post dak tal-benchmark.
L-istess proċedura tapplika wkoll għad-dħul f’Year 9 tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport.
Dħul għall-Iskola Nazzjonali tal-Arti Viżwali u Performattiva
Kif se jsir id-dħul għall-Iskola Nazzjonali tal-Arti Viżwali u Performattiva?
Il-kriterji li ntużaw fis-snin preċedenti se jkunu applikati wkoll għas-sena skolastika li jmiss, ibbażati fuq awdizzjoni u intervista. Aktar dettalji dwar meta se ssir l-awdizzjoni u l-intervista jkunu komunikati lill-applikanti fi żmien xieraq.
Dħul għall-ALP, ALP+ u GEM 16+
Kif se jsir id-dħul għall-ALP, ALP+ u GEM 16+?
Id-dħul għall-ALP, ALP+ u GEM 16+ se jsir is-sena d-dieħla kif isir is-soltu. Dettalji ta’ timeframes emendati għad-dħul se jitħabbru fil-futur.
Dħul għal Giovanni Curmi Higher Secondary (GCHSS) – Sena Akkademika 2020/21
X’inhuma r-rekwiżiti għad-dħul fil-GCHSS?
Irid ikollok ħames passes kif ġej:
- is-Secondary Education Certificate (SEC) fi Grad 5 jew aħjar, jew f’Livell 3 (kif se jingħata f’Lulju 2020)
- jew SSC&P f’livell 3 (kif se jingħata f’Lulju 2020)
- jew DQSE akkreditat GEM 16+ f’livell 3 (kif se jingħata f’Lulju 2020)
Dawn is-suġġetti jridu jinkludu: il-Malti, l-Ilsien Ingliż, il-Matematika u żewġ suġġetti oħra li jkunu. Jekk ikollok dawn il-kwalifikazzjonijiet tiġi aċċettat bħala student/a regolari.
X’jiġri jekk ma nġibx dawn il-kwalifiċi mitluba?
Għal din is-sena biss, jekk ikollok tal-anqas tliet passes mill-ħames suġġetti mitluba, inti tiġi aċċettat bħala student/a bi prova (probationary student). Dan ifisser li jekk iġġib tliet passes tas-Secondary Education Certificate f’livell 5 jew aħjar, jew f’livell 3 (kif se jingħataw f’Lulju 2020) jew inkella Secondary School Certificate and Profile (SSC&P) f’livell 3 jew DQSE akkreditat GEM 16+ f’livell 3, għal din is-sena biss il-GCHSS jaċċettak bħala student/a bi prova (probationary student).
L-istituzzjonijiet jgħinuk tasal għal deċiżjoni għaqlija dwar jekk inti għandekx tidħol għall-kors fuq bażi tal-kwalifiċi li jkollok f’idek. Madankollu dejjem tibqa’ d-deċiżjoni tiegħek jekk inti għandekx tidħol bħala student/a bi prova jew le.
X’jiġri jekk jien kont ma niflaħx għal wieħed jew aktar mill-eżamijiet tal-mock tal-iskola sekondarja, jew jekk l-iskola ma’ għamlitx l-eżamijiet tal-mock minħabba l-imxija tal-pandemija COVID-19?
Jekk minħabba raġuni jew oħra inti ma għamiltx l-eżamijiet tal-mock, jekk iġġib livell 3 fis-SSC&P jew fil-DQSE akkreditat GEM 16+ f’livell 3 (kif se jingħata f’Lulju 2020) f’dawn il-5 suġġetti: il-Malti, l-Ilsien Ingliż, il-Matematika u żewġ suġġetti oħra li jkunu, għal din is-sena biss inti tkun eliġibbli li tibda s-sena skolastika bħala student/a regolari tal-GCHSS.
Xorta tkun eliġibbli li toqgħod għall-eżamijiet tas-SEC fis-sessjoni ta’ Settembru 2020, jekk inti rreġistrajt għas-suġġett/i għas-Sessjoni Prinċipali, u nirrakkomandaw li inti tagħmel dan. Jekk jogħġbok innota li għall-futur, dħul fl-Università ta’ Malta, passes tas-SEC fil-Malti, l-Ilsien Ingliż u l-Matematika huma xorta meħtieġa.
Jekk iġġib passes tal-anqas fi tliet suġġetti f’livell 3 fis-Secondary School Certificate and Profile (SSC&P) jew kwalifiċi DQSE GEM 16+, għal din is-sena biss, il-GCHSS taċċettak bħala student/a bi prova (probationary student).
Xi tfisser li tkun student/a bi prova (probationary student) fil-GCHSS?
LI tkun student/a bi prova (probationary student) jfisser li inti titla’ b’suċċess għal Year II fuq bażi tar-riżultati tiegħek tal-GCHSS u l-prestazzjoni tiegħek ta’ Year I fi tmiem is-sena akkademika 2020/21; inkella inti jkollok terġa tidħol f’Year I imma bir-rekwiżiti kollha meħtieġa (jiġifieri passes f’ħames suġġetti u mhux biss fi tliet suġġetti).
Kif nista’ naqleb bħala student/a regolari minn student/a bi prova (probationary student)?
Biex tkun tista’ taqleb bħala student/a regolari minn student/a bi prova (probationary student), jew trid iġġib il-passes li ma kontx ġibt billi toqgħod għas-sessjoni li se ssir f’Settembru 2020 jew inkella billi tkun promoss b’suċċess għat-tieni sena tal-kors.
GCHSS jaċċetta kwalifiċi oħra (ta’ barra minn Malta) minflok il-kwalifiċi tas-SEC?
Iva, għad-dħul f’dawn l-istituzzjonijiet, dawn se jaċċettaw kwalifiċi ta’ barra minn Malta li huma komparabbli ma’ dawk ta’ Malta, kemm bħala student/a regolari jew (għal din is-sena biss), bħala student/a bi prova (probationary student).
L-Università ta’ Malta se tesiġi li nġib gradi tas-SEC (1-5) jew SEC Livell 3 fil-Malti, fl-Ilsien Ingliż u fil-Matematika?
Iva. Dawn il-passes huma meħtieġa biex tidħol fl-Università ta’ Malta, anki jekk inti għandek iċ-Ċertifikat tal-Matrikola.
Meta se tibda s-sena skolastika 2020/21 tal-GCHSS?
Is-sena skolastika tal-Giovanni Curmi Higher Secondary School se tibda fl-istess jum meta jintalbu jiftħu l-Iskejjel tal-Istat.
Nota għal studenti b’diżabilità:
Studenti prospettivi li m’għandhomx il-kwalifiċi kif mitlub minħabba diżabilità sinifikanti jistgħu jagħmlu talba għal kunsiderazzjoni minħabba dan lid-Direttur Ġenerali, Curriculum and Lifelong Learning fil-Ministeru għall-Edukazzjoni fuq [email protected].
Dħul għal Sir Mikielang Refalo Sixth Form (SMARSF) (Għawdex) – Sena Akkademika 2020-21
X’inhuma r-rekwiżiti għad-dħul f’Sir Mikelang Refalo Sixth Form (SMARSF) għall-kors taċ-ċertifikat tal-MATSEC?
Irid ikollok sitt passes kif ġej:
- is-Secondary Education Certificate (SEC) fi Grad 5 jew aħjar, jew f’Livell 3 (kif se jingħata f’Lulju 2020)
- jew SSC&P f’livell 3 (kif se jingħata f’Lulju 2020) [għal din is-sena biss]
- jew DQSE akkreditat GEM 16+ f’livell 3 (kif se jingħata f’Lulju 2020) [għal din is-sena biss]
Dawn is-suġġetti jridu jinkludu: il-Malti, l-Ilsien Ingliż, il-Matematika u tal-anqas wieħed minn dawn is-suġġetti: Il-Fiżika, il-Kimika jew il-Bijoloġija. Jekk ikollok dawn il-kwalifikazzjonijiet tiġi aċċettat bħala student/a regolari.
X’jiġri jekk ma nġibx dawn il-kwalifiċi mitluba?
Għal din is-sena biss, jekk ikollok tal-anqas tliet passes mis-sitt passes mitluba, inti tiġi aċċettat bħala student/a bi prova (probationary student). Dan ifisser li jekk iġġib tliet passes tas-Secondary Education Certificate (SEC) f’livell 5 jew aħjar, jew f’livell 3 (kif se jingħataw f’Lulju 2020) jew inkella Secondary School Certificate and Profile (SSC&P) f’livell 3 jew DQSE akkreditat GEM 16+ f’livell 3, għal din is-sena biss SMARSF jaċċettak bħala student/a bi prova (probationary student).
L-istituzzjonijiet jgħinuk tasal għal deċiżjoni għaqlija dwar jekk inti għandekx tidħol għall-kors fuq bażi tal-kwalifiċi li jkollok f’idek. Madankollu dejjem tibqa’ d-deċiżjoni tiegħek jekk inti għandekx tidħol bħala student/a bi prova jew le.
X’jiġri jekk jien kont ma niflaħx għal wieħed jew aktar mill-eżamijiet tal-mock tal-iskola sekondarja, jew jekk l-iskola ma’ għamlitx l-eżamijiet tal-mock minħabba l-imxija tal-pandemija COVID-19?
Jekk minħabba raġuni jew oħra inti ma għamiltx l-eżamijiet tal-mock, jekk iġġib livell 3 fis-SSC&P jew fil-DQSE akkreditat GEM 16+ f’livell 3 (kif se jingħata f’Lulju 2020) f’sitt suġġetti li jridu jinkludu l-Malti, l-Ilsien Ingliż, il-Matematika u tal-anqas wieħed minn dawn is-suġġetti: il-Fiżika, il-Kimika u l-Bijoloġija, għal din is-sena biss inti tkun eliġibbli li tibda s-sena skolastika bħala student/a regolari ta’ SMARSF.
Inti xorta eliġibbli li toqgħod għall-eżamijiet tas-SEC fis-sessjoni ta’ Settembru 2020, jekk inti rreġistrajt għall-istess suġġett/i għas-Sessjoni Prinċipali u nirrakkomandaw li inti tagħmel dan. Jekk jogħġbok innota li għal dħul fil-futur fl-Università ta’ Malta, passes fis-SEC fil-Malti, l-Ilsien Ingliż u l-Matematika xorta se jkunu meħtieġa.
Jekk iġġib tliet passes f’livell 3 fis-Secondary School Certificate and Profile (SSC&P), jew DQSE akkreditat GEM 16+, għal din is-sena biss, SMARSF taċċettak bħala student/a bi prova (probationary student).
Xi tfisser li tkun student/a bi prova (probationary student) f’SMARSF?
LI tkun student/a bi prova (probationary student) jfisser li inti titla’ b’suċċess għal Year II fuq bażi tar-riżultati tiegħek ta’ SMARSF u l-prestazzjoni tiegħek ta’ Year I fi tmiem is-sena akkademika 2020/21; inkella inti jkollok terġa tidħol f’Year I imma bir-rekwiżiti kollha meħtieġa (jiġifieri passes f’sitt suġġetti u mhux biss fi tliet suġġetti).
Kif nista’ naqleb bħala student/a regolari minn student/a bi prova (probationary student)?
Biex tkun tista’ taqleb bħala student/a regolari minn student/a bi prova (probationary student), jew trid iġġib il-passes li ma kontx ġibt billi toqgħod għas-sessjoni li se ssir f’Settembru 2020 jew inkella billi tkun promoss b’suċċess għat-tieni sena tal-kors.
SMARSF jaċċetta kwalifiċi oħra (ta’ barra minn Malta) minflok il-kwalifiċi tas-SEC?
Iva, għad-dħul f’dawn l-istituzzjonijiet, dawn se jaċċettaw kwalifiċi ta’ barra minn Malta li huma komparabbli ma’ dawk ta’ Malta, kemm bħala student/a regolari jew (għal din is-sena biss), bħala student/a bi prova (probationary student).
L-Università ta’ Malta se tesiġi li nġib gradi tas-SEC (1-5) jew SEC Livell 3 fil-Malti, fl-Ilsien Ingliż u fil-Matematika?
Iva. Dawn il-passes huma meħtieġa biex tidħol fl-Università ta’ Malta, anki jekk inti għandek iċ-Ċertifikat tal-Matrikola.
Meta se tibda s-sena skolastika 2020/21 ta’ SMARSF?
Is-sena skolastika ta’ Sir Mikelanġ Refalo Sixth Form se tibda fl-istess jum meta jintalbu jiftħu l-Iskejjel tal-Istat.
Nota għal studenti b’diżabilità:
Studenti prospettivi li m’għandhomx il-kwalifiċi kif mitlub minħabba diżabilità sinifikanti jistgħu jagħmlu talba għal kunsiderazzjoni minħabba dan lid-Direttur Ġenerali, Curriculum and Lifelong Learning fil-Ministeru għall-Edukazzjoni fuq [email protected].
Dħul fil-Junior College (JC)
X’inhuma r-rekwiżiti għad-dħul fil-Junior College?
Biex tidħol fil-Junior College irid ikollok sitt passes ta’ Grad 5 jew aħjar, jew f’Livell 3 (kif se jingħataw f’Lulju 2020) fis-Secondary Education Certificate (SEC). Is-suġġetti jridu jinkludu l-Malti, l-Ilsien Ingliż, il-Matematika u tal-anqas wieħed minn dawn is-suġġetti: il-Fiżika, il-Kimika u l-Bijoloġija. Jekk għandek dawn il-kwalifiċi tiġi aċċettat bħala student/a regolari. Għal aktar informazzjoni mur fuq is-sit: https://www.jc.um.edu.mt/__data/assets/pdf_file/0008/433898/2020AdmissiontoJuniorCollege.pdf
X’jiġri jekk ma jirnexxilix inġib il-kwalifiċi meħtieġa?
Għal din is-sena biss, jekk tal-anqas iġġib tliet suġġetti li jkunu mis-sitt passes meħtieġa, inti tiġi aċċettat bħala student/a bi prova (probationary student). Il-JC jgħinek biex tieħu deċiżjoni għaqlija dwar jekk inti għandekx tidħol għall-kors li tkun għażilt fuq bażi tal-kwalifiċi li jkollok f’idek. Madankollu dejjem tibqa’ d-deċiżjoni tiegħek jekk inti għandekx tidħol bħala student/a bi prova jew le.
X’jiġri jekk jien kont ma niflaħx għal wieħed jew aktar mill-eżamijiet tal-mock tal-iskola sekondarja, jew jekk l-iskola ma’ għamlitx l-eżamijiet tal-mock minħabba l-imxija tal-pandemija COVID-19?
Jekk minħabba raġuni jew oħra inti ma għamiltx l-eżamijiet tal-mock, jekk iġġib livell 3 fis-SSC&P jew fil-DQSE akkreditat GEM 16+ f’livell 3 (kif se jingħata f’Lulju 2020) f’dawn il-5 suġġetti: il-Malti, l-Ilsien Ingliż, il-Matematika u żewġ suġġetti oħra li jkunu, għal din is-sena biss inti tkun eliġibbli li tibda s-sena skolastika bħala student/a regolari tal-JC.
Xorta tkun eliġibbli li toqgħod għall-eżamijiet tas-SEC fis-sessjoni ta’ Settembru 2020, jekk inti rreġistrajt għas-suġġett/i għas-Sessjoni Prinċipali, u nirrakkomandaw li inti tagħmel dan. Jekk jogħġbok innota li għall-futur, dħul fl-Università ta’ Malta, passes tas-SEC fil-Malti, l-Ilsien Ingliż u l-Matematika huma xorta meħtieġa.
Jekk iġġib passes tal-anqas fi tliet suġġetti f’livell 3 fis-Secondary School Certificate and Profile (SSC&P) jew kwalifiċi DQSE GEM 16+, għal din is-sena biss, il-JC taċċettak bħala student/a bi prova (probationary student).
Xi tfisser li nkun student/a bi prova (probationary student) fil-JC?
Student/a bi prova (probationary student) fil-JC ifisser li inti titla’ b’suċċess għal Year II fuq bażi tar-riżultati li ġibt fil-Kulleġġ u wkoll il-prestazzjoni tiegħek ta’ Year I; inkella inti jkollok terġa tidħol f’Year I imma bir-rekwiżiti kollha (jiġifieri passes f’sitt suġġetti u mhux biss fi tliet suġġetti).
Kif nista’ naqleb bħala student/a regolari minn student/a bi prova (probationary student)?
Biex tkun tista’ taqleb bħala student/a regolari minn student/a bi prova (probationary student), trid iġġib il-passes li ma kontx ġibt billi toqgħod għas-sessjoni li se ssir f’Settembru 2020 jew inkella billi tkun promoss b’suċċess għat-tieni sena tal-kors.
Il-JC se jaċċetta kwalifiċi oħra (ta’ barra minn Malta) minflok il-kwalifiċi tas-SEC?
Iva, għad-dħul fil-JC, se jkunu aċċettati kwalifiċi ta’ barra minn Malta li huma komparabbli ma’ dawk ta’ Malta, kemm bħala student/a regolari jew (għal din is-sena biss), bħala student/a bi prova (probationary student).
L-Università ta’ Malta se tesiġi li nġib gradi tas-SEC (1-5) jew SEC Livell 3 fil-Malti, fl-Ilsien Ingliż u fil-Matematika?
Iva. Dawn il-passes huma meħtieġa biex tidħol fl-Università ta’ Malta, anki jekk inti għandek ukoll iċ-Ċertifikat tal-Matrikola.
Meta se jibdew il-lekċers fil-JC?
Kemm l-istudenti ta’ Year I u wkoll dawk li se jibdew Year II se jibdew il-lekċers fid-19 ta’ Ottubru 2020 dejjem jekk l-Awtoritajiet tas-Saħħa ma jagħtux parir li din id-data tiġi posposta.
Nota għal studenti b’diżabilità:
Studenti prospettivi li m’għandhomx il-kwalifiċi kif mitlub minħabba diżabilità sinifikanti jistgħu jagħmlu talba għal kunsiderazzjoni minħabba dan lill-Bord tal-Ammissjonijiet li, fuq parir tal-Access Disability Support Committee (ADSC) jikkunsidraw kull applikazzjoni b’mod separat fuq il-mertu tal-imsemmija applikazzjoni.
Eżamijiet tal-Matrikola – Avvanzati (AM) u Intermedjarji (IM)
L-eżamijiet Avvanzati (AM) u dawk Intermedjarji (IM) se jibdew fit-23 ta’ April 2020?
Le, l-ewwel sessjoni ġiet posposta għal Settembru 2020.
Għandi bżonn nirreġistra għas-sessjoni ta’ Settembru 2020?
Le. Ir-reġistrazzjonijiet għas-Sessjoni Primarja ta’ Mejju 2020 se jkunu trasferiti b’mod awtomatiku għas-sessjoni ta’ Settembru. Timetable ġdida se tintbgħat lill-kandidati kollha li applikaw.
Kont ippjanajt li nirreġisra għal eżami jew aktar għat-Tieni Sessjoni tal-2020. Nista’ napplika għal dan l-eżami/eżamijiet għas-sessjoni l-ġdida ta’ Settembru?
Iva. Tista’ tirreġistra għall-eżamijiet waqt il-perjodu ta’ reġistrazzjoni li se jiftaħ f’Lulju 2020. Ma jiġux aċċettati reġsitrazzjonijiet li jidħlu tard.
Se nkun nista’ nagħmel resit jekk ma ngħaddix fl-eżamijiet fis-sessjoni ta’ Settembru 2020?
Il-kandidati biss li jkunu applikaw għas-sessjoni ta’ Mejju 2020 (Sessjoni Primarja 2020) jistgħu japplikaw għar-resit tas-sessjoni ta’ Diċembru. Il-kandidati li ma jkunux irreġistraw għas-sessjoni ta’ Mejju 2020 ma jkunux eliġibbli li joqgħodu għas-sessjoni tar-resit ta’ Diċembru.
Il-Bord tal-MATSEC għandu l-pjan li jippubblika r-riżultati tar-resits bejn wieħed u ieħor lejn nofs Jannar 2021.
Kemm hija twila s-sessjoni ta’ Settembru 2020?
Din is-sessjoni mhux se tkun ta’ 12-il ġimgħa bħas-soltu, imma se tkun ta’ 6 ġimgħat. L-eżamijiet huma ppjanati li jibdew fil-31 ta’ Awwissu u jispiċċaw fl-10 ta’ Ottubru 2020.
Fis-sessjoni ta’ Settembru 2020 se jsiru il-komponent tal-orali tal-eżamijiet tal-AM u l-IM u tal-eżamijiet tal-prattika għal suġġetti oħra?
Le, dawn mhux se jsiru fis-sessjoni ta’ Settembru 2020 biex ikun żgurat li jkunu jistgħu jsiru l-eżamijiet kollha li jsiru bil-miktub u wkoll biex ir-riżultati jkunu jistgħu jiġu ppubblikati mhux aktar tard mis-6 ta’ Novembru 2020. Madankollu, il-Bord tal-MATSEC se jiżgura li dan ma jkollux impatt hażin fuq il-gradi li jingħataw l-istudenti.
Ir-resit ta’ Diċembru se jkun bħat-Tieni Sessjoni li s-soltu ssir f’Settembru?
Le, din is-sessjoni se tkun dik ta’ resit u m’għandix titqies bħala t-Tieni Sessjoni. Il-puntwalità hija tal-akbar importanza u l-kandidati biss li jkunu oriġinarjament irreġistraw għas-Sessjoni Primarja tal-2020 jistgħu japplikaw għas-sessjoni tar-resit li se ssir f’Diċembru.
Fis-sessjoni ta’ Diċembru nista’ nagħti aktar minn eżami wieħed?
F’din is-sessjoni tista’ toqgħod għall-eżamijiet tas-suġġetti li inti kont applikajt għalihom għas-Sessjon iPrimarja. Tista’ toqgħod għal total ta’ sitt suġġetti, wieħed għall-AM, erbgħa tal-IM (wieħed minn kull grupp ta’ suġġetti) u għas-Systems of Knowledge.
Is-sessjoni tar-resit ta’ Diċembru se tinkludi il-komponent Orali tal-eżamijiet tal-AM u l-IM u wkoll il-Practicals?
Le, jappikaw biss il-kundizzjonijiet tal-eżamijiet għas-sessjoni ta’ Settembru li issa ġiet posposta.
Dħul fl-Istitut għall-Edukazzjoni
Sa liema data nista’ napplika għall-Baċellerat fl-Edukazzjoni fl-Istitut għall-Edukazzjoni għas-sena akkademika li jmiss?
Tista’ tapplika għall-kors fl-Istitut għall-Edukazzjoni sa’ mhux aktar tard mit-2 ta’ Ġunju 2020. Jekk jogħġbok irreferi għall-informazzjoni addizzjonali fuq is-sit tal-Istitut għall-Edukazzjoni li tagħti informazzjoni dwar dħul fil-korsijiet.
https://instituteforeducation.gov.mt/en/Pages/Courses/Qualifications%20Details/B-Ed.aspx
Minħabba li din is-sena l-eżamijiet tal-Matrikola qed jiġu posposti għal Settembru 2020 u r-riżultati mhux se jkunu magħrufa qabel is-6 ta’ Novembru 2020, meta se jibdew il-lekċers fl-Istitut għall-Edukazzjoni?
Il-Baċellerat fl-Edukazzjoni huwa ppjanat li jibda fl-1 ta’ Ottubru 2020. M’huwiex previst li din id-data tinbidel peress li t-tagħlim offrut mill-Istitut għall-Edukazzjoni jista’ jiġi offrut online.
X’se tkun il-pożizzjoni tiegħi bħala student/a meta nibda l-kors f’Ottubru 2020 qabel ma jkunu ġew ippubblikati r-riżultati tal-MATSEC?
F’dan il-każ inti tiġi aċċettat fil-kors bħala student bi prova (probationary student) jekk kemm-il darba jkollok evidenza li int applikajt għall-eżamijiet tal-MATSEC fis-sessjoni ta’ Mejju 2020 u tkun issodisfajt il-kriterji kollha mitluba għad-dħul fil-kors.
F’dan il-każ, nibqa’ student/a bi prova (probationary student) għall-kumplament tal-Ewwel Sena?
Le. Inti ma tibqax student/a bi prova (probationary student) u ssir student regolari jekk meta tirċievi r-riżultati tal-MATSEC f’Novembru 2020, dawn ikunu jissodisfaw il-kriterji tal-eliġibilita’ tal-Istitut għall-Edukazzjoni.
X’jiġri jekk meta nirċievi dawn ir-riżultati ma jkunux jissodisfaw il-ħtiġijiet tad-dħul fl-Istitut għall-Edukazzjoni?
F’dan il-każ inti titħalla tkompli l-kors bħala student/a bi prova (probationary student) sakemm tagħmel ir-resit f’Diċembru 2020 fis-suġġetti tal-MATSEC li fihom ma tkunx ġibt il-grad mitlub. Jekk tgħaddi minn dan u tikseb iċ-ċertifikat tal-MATSEC, l-istat tiegħek jinbidel minn student/a bi prova (probationary student) għal student/a regolari. Jekk dan ma jseħħx tintalab tieqaf mill-kors.
Dħul għall-Istitut tal-Istudju Turistiċi (ITS)
X’tibdil kien hemm fil-ħtiġijiet għad-dħul għal studenti prospettivi (studenti ġodda) għas-sena akkademika ġdida 2020-2021 għal-livelli ta’ Foundation u Certificate?
Studenti prospettivi għandhom jirreferu għall-prospett (prospectus) jew inkella jirreferu għas-sit (https://its.edu.mt/courses-admission/its-prospectus.html) biex jaraw il-ħtiġijiet li għandhom bżonn għall-korsijiet f’livell ta’ Foundation u Certificate. Il-kriterja tad-dħul kif emendata qed tiġi spjegata fil-qosor hawn taħt:
Applikanti li jtemmu b’suċċess: (i) edukazzjoni obbligatorja; u (ii) il-programm ta’ tagħlim alternattiv (ALP) se jigu aċċettati fi programmi ta’ studju tal-ITS ta’ Livell 2 (i.e. Foundation Programme in Tourism and Hospitality).
Applikanti li jiksbu b’suċċess tal-inqas 5 suġġetti ta’ livell ordinarju li jinkludu: (i) għażla ta’ 2 suġġetti minn: Ospitalità; Matematika; Malti; Ingliż u/jew Home Economics f’livell 3 tal-MQF (SSC&P livell 3) miksuba permezz ta’ livell predittiv mgħoti mill-MATSEC jew fis-sessjoni tal-eżamijiet ta’ Settembru 2020, flimkien ma’ (ii) għażla ta’ 3 (tlett) suġġetti oħra f’livell ta’ 2 tal-MQF jew għola, miksuba permezz tal-SSC&P jew wara s-sessjoni tal-eżamijiet ta’ Settembru 2020, se jiddaħħlu f’wieħed mill-programmi f’livell ta’ Certificate (MQF 3) tal-għażla tagħhom.
Jew
Applikanti li jiksbu b’suċċess tal-inqas 4 suġġetti ta’ livell ordinarju li jinkludu: (i) Ospitalità jew Home Economics fi grad 3 jew aħjar tas-SEC (MQF 3) miksuba fis-sessjoni tal-eżamijiet ta’ Settembru 2020, flimkien ma’ (ii) għażla ta’ 3 (tlett) suġġetti oħra f’livell ta’ 2 tal-MQF jew għola, miksuba permezz tal-SSC&P jew wara s-sessjoni tal-eżamijiet ta’ Settembru 2020, se jiddaħħlu f’wieħed mill-programmi f’livell ta’ Certificate (MQF 3) tal-għażla tagħhom.
Studenti mħeġġa jirreferu għas-sezzjoni Admissions to ITS li tinsab fil-prospett (prospectus) fuq is-sit (https://its.edu.mt/courses-admission/its-prospectus.html) għal aktar dettalji dwar iċ-ċretifikat tal-SSC&P u l-livelli rispettivi li student jista’ jilħaq.
Jiena ippjanajt li noqgħod għall-eżamijiet tal-MATSEC. Dan kif se jaffettwa l-opportunità ta’ dħul fl-ITS għal programmi ta’ degree?
L-ITS se jaċċetta b’mod proviżorju studenti li qed jistudjaw f’Livell ta’ Matrikola għall-programmi ta’ Livell 6 tal-MCAST, jiddependi mill-ħtiġijiet speċifiċi tad-dħul. Studenti prospettivi fil-livell ta’ Baċċellerat għandhom jirreferu għall-prospett (prospectus) fuq is-sit (https://its.edu.mt/courses-admission/its-prospectus.html)
Studenti li jiġu aċċettati b’mod proviżorju fil-livell ta’ Baċċellerat se jkollhom l-istatus tagħhom rivedut wara is-sessjoni ta’ Settembru 2020 u sussegwentement tar-resit ta’ Diċembru 2020.
Dħul għall-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST)
X’tibdil kien hemm fil-ħtiġijiet għad-dħul għal studenti prospettivi (studenti ġodda) għas-sena akkademika ġdida 2020-2021?
Studenti prospettivi għandhom jirreferu għall-prospett (prospectus) jew inkella jirreferu għas-sit (https://www.mcast.edu.mt/full-time-programmes/) biex jaraw il-ħtiġijiet li għandhom bżonn għall-korsijiet rispettivi.
Il-gradi għad-dħul madankollu huma emendati kif ġej minħabba l-imxija tal-COVID-19 billi r-riżultati tas-SEC se jkunu bbażati fuq il-livelli MQF aktar milli fuq il-gradi:
Applikanti b’suġġetti SSC&P Track 1 u 2 jew riżultati mbassra fuq assessments ta’ Livell 2 se jkunu aċċettati fil-Livell 1 jew 2 tal-programmi ta’ studju tal-MCAST wara eżamijiet inizjali ta’ assessments.
Applikanti b’suġġetti SSC&P Track 3 ibbażati fuq il-prestazzjoni minn Year 7 sa Year 10 jew li għandhom Livell 3 tal-eżamijiet tas-SEC ibbażat fuq assessment imbassar kif mogħti mill-MATSEC jiġu aċċettati b’mod proviżorju jew fi programmi ta’ studju tal-MCAST ta’ Livell 3 jew Livell 4, jiddependi mill-ħtiġijiet speċifiċi tad-dħul. F’każi li hemm ħtieġa ta’ grad għola minn 5/C f’Livell 3, l-istudent jitqies bħala eliġibbli għad-dħul jekk ir-riżultati imbassra tal-MATSEC jinħarġu fuq livell MQF Livell 3.
Jiena ippjanajt li noqgħod għall-eżamijiet tal-MATSEC. Dan kif se jaffettwa l-opportunità ta’ dħul fl-MCAST għal programmi ta’ degree?
L-MCAST se jaċċetta b’mod proviżorju studenti li qed jistudjaw f’Livell ta’ Matrikola għall-programmi ta’ Livell 6 tal-MCAST, jiddependi mill-ħtiġijiet speċifiċi tad-dħul.
Aktar minn hekk, studenti li ma jġibux il-ħtiġijiet rikjesti fis-sessjoni tar-resit ta’ Diċembru 2020, se jingħatalhom opportunità li jidħlu għal ċertifikat undergraduate matul it-2 semestru.
Meta se jibdew il-lekċers fl-MCAST?
Il-lekċers se jibdew fid-19 ta’ Ottubru 2020 dejjem jekk l-Awtoritajiet tas-Saħħa ma jagħtux parir li din id-data tiġi posposta.
Dħul fl-Università ta’ Malta (UM) – Sena Akkademika 2020-2021
Meta għandi napplika għal dħul fl-Università ta’ Malta?
Jekk irreġistrajt għal tal-anqas eżami wieħed (f’livell Avvanzat jew Intermedju) li se jsiru fl-2020, m’għandekx għalfejn tapplika issa. Inti se tkun tista’ titfa’ l-applikazzjoni tiegħek onlajn bejn l-1 u t-23 ta’ Lulju fis-14:00. Id-dettalji personali tiegħek se jkunu disponibbli u għalhekk l-Università tkun tista’ takkwista r-riżultati tiegħek mingħand il-Bord tal-MATSEC hekk kif il-bord jippubblika r-riżultati f’Novembru. M’hemmx għalfejn li inti tinforma lill-Università b’dawn ir-riżultati.
Applikazzjonijiet għal uħud mill-korsijiet huma aċċettati skont id-data ta’ skadenza mtawwla għal Awwissu u Settembru. Jekk jogħġbok irrferi għall-informazzjoni addizzjonali fis-sit tal-Università konness ma’ dħul f’din l-istituzzjoni.
Kif għandi napplika?
Jekk inti rreġistrajt għal eżamijiet f’livell Avvanzat jew Intermedju li se jsiru fl-2020, f’April inti se tirċievi ittra mill-Bord tal-MATSEC fl-indirizz tad-dar tiegħek, li se tinkludi username u password. Għandek tuża dan il-username u password meta tissottometti l-applikazzjoni tiegħek onlajn f’Lulju.
Imma jekk inti se tirreġistra għall-eżamijiet fil-livell Avvanzat jew Intermedju matul il-perjodu tar-reġistrazzjoni ta’ Mejju, u se tapplika għal kors Universitarju li jibda f’Otturbu 2020, inti se tirċievi l-username u l-password fi stadju aktar ‘il quddiem.
Minħabba li din is-sena l-eżamijiet tal-Matrikola qed jiġu posposti għal Settembru 2020 u r-riżultati mhux se jkunu magħrufa qabel is-6 ta’ Novembru 2020, meta se jibdew il-lekċers fl-Università?
Il-parti l-kbira tal-korsijiet tal-Università huma ppjanati li jibdew fid-19 ta’ Ottubru 2020, sakemm l-Awtoritajiet tas-Saħħa ma’ jagħtux parir biex din id-data tiġi posposta.
Madankollu, il-korsijiet li għandhom rekwiżiti speċjali (SCR) li jridu jinġiebu f’daqqa (li huma Doctor of Medicine and Surgery and Master of Dental Surgery) jew inkella dawk il-korsijiet li jaċċettaw numru limitat ta’ studenti, se jibdew fid-9 ta’ Novembru 2020.
X’se tkun il-pożizzjoni tiegħi bħala student/a meta nibda l-kors f’Ottubru 2020 qabel ma jkunu ġew ippubblikati r-riżultati tal-Matrikola?
F’dan il-każ inti tiġi aċċettat fil-kors bħala student/a bi prova (probationary student).
F’dan il-każ, nibqa’ student/a bi prova (probationary student) għall-kumplament tal-Ewwel Sena?
Le. Inti ma tibqax student/a bi prova (probationary student) u ssir student/a regolari jekk meta tirċievi r-riżultati tal-Matrikola f’Novembru 2020, dawn ikunu jissodisfaw il-ħtiġijiet tad-dħul tal-Università.
X’jiġri jekk meta nirċievi dawn ir-riżultati ma jkunux jissodisfaw il-ħtiġijiet tad-dħul fl-Università?
F’dan il-każ inti tkun tista’ tibqa’ għaddej fil-kors tal-Ewwel Sena bħala student/a bi prova (probationary student) sakemm inti ġġib tal-anqas 36 punt fiċ-Ċertifikat tal-Matrikola. Bħala student/a bi prova (probationary student) inti tkun meħtieġ li ttemm b’suċċess l-Ewwel Sena tal-kors u ġġib is-60 kredit ECTS fil-programm tal-istudju sas-sessjon itar-resit ta’ Settembru 2021. Jekk tilħaq dan, inti tkun tista’ tkompli għat-Tieni Sena bħala student/a regolari.
B’mod alternattiv inti tista’ tiddeċiedi li toqgħod għar-resit f’Diċembru 2020 fis-suġġetti tal-Matrikola li fihom ma tkunx ġint il-grad rikjest. Jekk tgħaddi minn dan u ġġib l-44 punt meħtieġ għaċ-Certifikat tal-Matrikola, inkluż (fejn meħtieġ) xi Special Course Requirements, l-istat tiegħek jinbidel minn student bi prova (probationary student) għal student/a regolari.
X’inhi d-differenza bejn student/a regolari u student/a bi prova (probationary student)?
Student/a regolari jitħalla jipprogressa kundizzjonalment għat-Tieni Sena tal-kors jekk ifalli milli jġib mhux anqas minn 12-il kreditu ECTS mis-60 keditu ECTS sas-sessjoni tar-resit ta’ Settembru 2021. L-istudent f’dan il-każ ikollu, fit-Tieni Sena, jerġa’ joqgħod għall-eżamijiet f’dawk il-units li jkun falla fihom. Min naħa l-oħra, student/a bi prova (probationary student) ma jkunx jista’ jkompli għaddej għat-Tieni Sena jekk ifalli milli jġib is-60 kreditu ECTS meħtieġa sas-sessjoni tar-resit ta’ Settembru 2021 u jkollu joħroġ mill-kors.
Meta se jibdew il-korsijiet li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ Special Course Requirements in One Sitting jew il-korsijiet li għandhom limitu ta’ studenti li jkunu aċċettati għalihom?
Dawn il-korsijiet huma skedati li jibdew fid-9 ta’ Novembru 2020 wara l-pubblikazzjon itar-riżultati tal-MATSEC.
Jekk jien diġa għandi, jew inkella rnexxieli nikseb iċ-Ċertifikat tal-Matrikola fis-sessjoni ta’ Settembru 2020, imma jonqosni wieħed jew aktar mill-SCRs, inkun nista’ nibda l-kors u nkomplieħ?
Iva. Inti tibda l-kors tiegħek fil-19 ta’ Otturbu 2020 u tista’ (jekk tiddeċiedi hekk) tkompli sa’ tmiem l-Ewwel Sena bħala student/a bi prova (probationary student). Madankollu, inti tista’ tuża s-sessjoni tar-resit ta’ Diċembru 2020 biex iġġib l-SCR jew SCRs li ma jkollokx; jekk tagħmel hekk inti taqleb minn student/a bi prova (probationary student) għal student/a regolari. Din ma tapplikax għall-korsijiet li jaċċettaw numru limited ta’ studenti jew dawk l-SCRs li jkunu jridu jinġiebu kollha f’daqqa.
Nota għal studenti b’diżabilità:
Studenti prospettivi li m’għandhomx il-kwalifiċi kif mitlub minħabba diżabilità sinifikanti jistgħu jagħmlu talba għal kunsiderazzjoni minħabba dan lill-Bord tal-Ammissjonijiet li, fuq parir tal-Access Disability Support Committee (ADSC) jikkunsidraw kull applikazzjoni b’mod separat fuq il-mertu tal-imsemmija applikazzjoni.