L-Uffiċċju tal-President għaddej bit-tħejjijiet biex għal sena oħra jħeġġeġ lill-istudenti tal-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex jfaddlu xi ħaġa tal-flus bħalma jagħmlu ta’ kull sena għall-inizjattiva tal-BOV Piggy Bank Campaign b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF).

Fil-ġimgħat li għaddew il-mara tal-President, is-Sinjura Miriam Vella, stiednet lit-tfal biex jieħdu sehem f’kompetizzjoni ta’ tpenġija u jesprimu ruħhom bl-arti dwar kif jimmaġinaw li għandu jkun il-karus li għandu jintuża fil-kampanja tas-sena skolastika li jmiss.

It-tema li ngħatat lit-tfal bħala gwida għat-tpinġijiet hija ‘Is-Sapport’ minħabba ċ-ċirkostanzi li għaddejjin minnhom tal-pandemija Covid-19.  Infatti l-istudenti kollha tal-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u Indipendenti ngħataw ċans jissottomettu t-tpinġijiet tagħhom b’rabta ma’ din it-tema.

B’kollox l-Uffiċċju tal-President irċieva 90 sottomissjoni minn 26 skola  differenti f’Malta u Għawdex, li nofshom kienu subien u nofshom bniet, bl-età tagħhom tvajra minn 4 snin sa 13-il sena.  Dan huwa riżultat inkoraġġanti ħafna tant li s-Sinjura Vella esprimiet sodisfazzjon għall-ammont ta’ sottomissjonijiet li daħlu kif ukoll apprezzat il-kreattività li wrew it-tfal f’din il-kompetizzjoni.

Bħas-sena l-oħra, is-Sinjura Vella se tkun qed iżżur lit-tfal fl-iskejjel biex tippromwovi x-xogħol li qed isir mill-MCCFF u l-importanza li din il-fondazzjoni jkollha flus biżżejjed biex tgħin lil min huwa fil-bżonn.

L-Uffiċċju tal-President jirringrazzja lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u lill-Bank of Valletta għall-appoġġ li dejjem jagħtu biex din il-kampanja titwettaq b’suċċess sena wara l-oħra.