EducationMinistry for Education and Employment

L-Osservanza tal-miżuri bħalli kieku kull jum hu l-ewwel jum

L-Osservanza kuljum tal-miżuri kollha

Qabelxejn, issa li bdejna t-tieni xahar mill-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel, irrid għal darb’ oħra nerġa’ nuri l-apprezzament tiegħi f’isem il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol għall-attenzjoni li qed tingħata dwar l-osservanza tal-miżuri mill-komunita’ skolastika fl-iskejjel primarji, medji u sekondarji.

Nitlobkom tibqgħu tqisu kull jum bħallikieku huwa l-ewwel jum biex it-tfal u l-istudenti jkunu jistgħu jibqgħu jiksbu l-edukazzjoni u t-tagħlim tagħhom fl-iskejjel tagħna.

F’dawn il-mumenti partikolari, waqt li bħal kulħadd nasal nifhem li avvenimenti festivi tendenzjalment iħajruna biex norganizzaw attivitajiet li jġibu persuni flimkien, nibqa’ nappella biex kull wieħed u waħda minna jibqa’ josserva kull miżura li ppjanajna u wettaqna f’kull skola primarja, medja u sekondarja. Dan mument li jitlob attenzjoni kontinwa għal dak kollu li nagħmlu u kif nagħmluh. Dan għadu mument fejn ilkoll kemm aħna bħala komunita’ skolastika għandna nibqgħu nieħdu ħsieb tagħna nfusna u lil ta’ madwarna b’dak li nagħmlu u kif nagħmluh.

Nixtieqkom, b’mod spjegat u raġunat, tfissru dan ukoll lill-ġenituri/gwardjani tat-tfal u l-istudenti fl-iskejjel tagħkom. Wieħed jista’ jieħu pjaċir billi josserva l-miżuri bla ma jieħu riskji li wara jġagħluna jiddispjaċina.

Dan għadu mument li lkoll kemm aħna u flimkien neħtiegu nibqgħu nosservaw bir-reqqa kollha kull miżura. Nibqgħu naħdmu biex il-pjaċir jibqa’ wkoll wara kull mument festiv u fuq kollox biex l-edukazzjoni u t-tagħlim jissoktaw fl-iskejjel tagħna.

 

Dr Francis Fabri

Segretarju Permanenti