EducationSchool Initiative

Tliet skejjel Maltin jiksbu suċċess globali fl-użu tal-J2Webby

Matul il-perjodu tal-lockdown bejn Marzu u Ġunju, numru ta’ skejjel ħadu taħriġ intensiv fuq l-ekosistema diġitali tal-J2e (https://www.just2easy.com/). L-istudenti jistgħu jaċċessaw din l-ekosistema billi jaċċessaw il-websajt j2e.com/malta u jillogjaw permezz tal-kredenzjali tal-ilearn jew Microsoft li għandhom aċċess għalih l-istudenti kollha.

Din is-sena skolastika dawn l-iskejjel komplew bil-ħidma intensiva tagħhom fl-użu ta’ din l-ekosistema fejn l-istudenti jiktbu l-kitbiet tagħhom li jiġu kkoreġuti onlajn mill-għalliema. L-istudenti jaċċessaw il-pariri (feedback) li jkunu kitbulhom l-għalliema fuq il-pjattaforma u jeditjaw xogħolhom onlajn. Meta x-xogħol ikun ta’ kwalita’ tajba, l-għalliema tħeġġeġ lill-istudenti jippubblikaw xogħolhom. B’dal-mod l-istudenti qed jingħataw l-opportunità li jkunu pubblikaturi tax-xogħol diġitali tagħhom u jkollhom udjenza virtwali fil-blog fuq J2Webby.

Ix-xogħol tal-iskejjel ta’ Birkirkara fi ħdan il-Kulleġġ Santa Tereża u Żejtun B u Marsaskala Sant’Anna fi ħdan il-Kulleġġ San Tumas More ħalla l-frott u ftit jiem ilu dawn it-tliet skejjel ikkwalifikaw fl-ewwel sitt postijiet mill-iskejjel kollha minn pajjiżi differenti li ppubblikaw xogħolhom fuq J2Webby.

Il-pubblikazzjoni ta’ dan ix-xogħol diġitali joffri opportunità lill-istudenti jaqsmu xogħolhom ma’ xulxin fi żmien meta sfortunatament il-kuntatt fiżiku fil-klassijiet kellu jiġi limitat minħabba l-pandemija. Qed jgħin ukoll biex jgħaqqad flimkien l-istudenti li qegħdin id-dar ma’ dawk li qegħdin fil-klassi, billi minn barra li jaċċessaw xogħol xulxin, l-istudenti jistgħu ukoll jikkummentaw fuq ix-xogħol diġitali. Dan hu eżempju ċar kif ambjent virtwali jista joffri opportunitajiet li mhumiex possibbli b’mezzi oħra.

Permezz ta’ dan l-impenn kontinwu tal-iskejjel imsemmija, dawn l-istudenti qed jiżviluppaw ħiliet fil-komunikazzjoni, kreattivita, ħsieb kritiku u ċittadinanza diġitali li huma kompitenzi essenzjali għal kull student tas-seklu 21.

Dawn huma l-blogs tal-iskejjel li kisbu suċċess:

https://st-theresa-college-birkirkara-primary.j2webby.com/

https://st-thomas-more-college-zejtun-primary-b.j2webby.com/

https://st-thomas-more-college-marsaskala-primary-st-anne.j2webby.com/