Uncategorized

L-Edukazzjoni f’Malta tikseb Riżultati Sbieħ fi Studju Internazzjonali fix-Xejriet tal-Matematika u x-Xjenza

TIMSS, Trends in International Mathematics and Science Study, huwa studju internazzjonali komparattiv fil-kisbiet fil-matematika u fix-xjenza fost il-parteċipanti bl-iskop li jinforma lura t-tagħlim. Dan isir mill-IEA (International Association for the Evaluation of Educational Achievement). Malta ħadet sehem ma’ 57 pajjiż ieħor.

Malta ħadet sehem fit-TIMSS fost it-tfal kollha ta’ 10 snin fil-Ħames Sena tal-Primarja fl-2011 u fl-2019 u għalhekk nistgħu:

  1. nqabblu tfal f’Malta tal-istess eta’ f’perjodu ta’ tmien snin; u
  2. nifhmu l-impatt li l-viżjoni, l-istrateġiji u l-prattiċi li nkunu fassallna u daħħalna..

Dan hu riżultat ta’ ħafna ppjanar, stratiġiji u taħriġ fost l-oħrajn li saru matul is-snin.

Fil-Matematika il-marka medja internazzjonali hija 500. Fl-2011 Malta kienet kisbet marka ta’ 496, 4 punti taħt il-marka medja internazzjonali. Fl-2019 Malta, għall-ewwel darba kemm ilha tieħu sehem f’dan l-istudju internazzjonali, kisbet marka ta’ 509, 9 punti fuq il-marka medja internazzjonali u 13-il punt fuq il-marka tal-2011.

Fix-Xjenza l-marka medja internazzjonali hija 500. Fl-2011 Malta kienet kisbet marka ta’ 446, 54 punt taħt il-marka medja internazzjonali. Għall-ewwel darba wkoll, fl-2019 Malta kisbet marka ta’ 496, 4 punti taħt il-marka medja internazzjonali u 50 punt fuq il-marka tal-2011.

Dan l-istudju juri wkoll li Malta għandha 10% aktar mill-medja internazzjonali f’rispons li juri li t-tfal għandhom riżorsi u sapport mid-dar favur it-tagħlim, u 1.3% aktar mill-medja internazzjonali bil-ġenituri jkunu involuti fl-attivitajiet tal-litteriżmu u n-numerija.

F’Malta, 2% aktar mill-medja internazzjonali tat-tfal ifitxxu li jiksbu suċċess fl-istudji tagħhom u 21% aktar mill-medja internazzjonali tal-ġenituri huma kuntenti bl-iskola ta’ uliedhom.

Għandna 9% aktar mill-medja internazzjonali tal-kapijiet tal-iskejjel jirrapportaw nuqqas ta’ problemi dixxiplinarji fl-iskejjel u 52% tal-għalliema f’Malta stqarrew li huma kuntenti bil-karriera tagħhom.

Fost ix-xejriet tajbin li spikkaw f’dan l-istudju nsibu 3% aktar mill-medja internazzjonali tat-tfal f’Malta jieħdu pjaċir jitgħallmu l-Matematika u jiksbu 12-il siegħa aktar tagħlim fis-sena mill-medja internazzjonali, 6% aktar mill-medja internazzjonali tat-tfal jieħdu pjaċir jitgħallmu x-Xjenza u jiksbu 24 siegħa inqas tagżlim fis-sena mill-medja internazzjonali, u 39% aktar mill-medja internazzjonali tat-tfal stqarrew li għandhom aċċess għall-kompjuters fit-tagħlim tal-matematika u 45% aktar fit-tagħlim tax-xjenza.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni jilqa’ dawn ir-riżultati b’sodisfazzjon kbir, jibqa’ impenjat b’aktar ħidma favur aktar titjib, u fuq kollox iridd ħajr lil kull uffiċċjal, ġenitur u student li matul is-snin ta’ s-sehem tiegħu b’mod konkret biex uliedna jirnexxu lkoll.