EducationMinistry for Education

Nissoktaw bl-Osservanza tal-Miżuri fl-Iskejjel Kollha minn Kulħadd

Wara l-konferma mill-awtorità tas-saħħa li l-miżuri ppjanati, introdotti u applikati fl-iskejjel kollha tagħna mill-ftuħ tagħhom f’Settembru 2020 ħadmu biex (1) inżammet taħt kontroll is-sitwazzjoni fl-iskejjel waqt din il-pandemija tal-COVID-19, u (2) ikkontribwew ukoll fuq livell komunitarju nazzjonali. Dan hu mertu tagħna lkoll li fl-irwoli differenti u varji tagħna – uffiċċjali Ministerjali, edukaturi, impjegati u ħaddiema fl-iskejjel, studenti, ġenituri/gwardjani u l-komunità in ġenerali – ilkoll kemm aħna ħadna ħsieb li kull miżura tiġi osservata l-ħin kollu minn kulħadd kull jum bħallikieku hu l-ewwel jum.

Minn għada t-Tnejn 11 ta’ Jannar 2021 neħtieġu nibqgħu lkoll kemm aħna viġilanti u nosservaw kull miżura bla ma nillaxkaw.

Il-mertu hu ta’ ħidma kollettiva u li saret flimkien u skont il-pariri mogħtijin lilna mill-awtorità tas-saħħa.

Għalhekk, nibqgħu nappellaw għall-koperazzjoni u l-impenn biex il-miżuri jitħaddmu minn kulħadd, nissoktaw bit-tagħlim u nimxu dejjem mal-pariri tal-awtorità tas-saħħa.

Għal dan kollu naqsmu l-apprezzament u r-ringrazzjament bejnietna lkoll.