Wara li għal sena skolastika oħra ħtiġilna naraw kif jissokta tajjeb it-tagħlim f’ċirkostanzi li m’humiex normali waqt il-pandemija tal-COVID-19, u temmejna t-tieni terminu skolastiku, nirringrazzjaw u apprezzaw ħidmet l-uffiċċjali u l-impjegati fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-edukaturi u l-impjegati kollha fl-istituzzjonijiet edukattivi, fil-Kulleġġi u fl-iskejjel kollha għall-ħidma u l-impenn li qed titwettaq. Ringrazzjament ukoll lill-istudenti u lill-ġenituri/gwardjani tagħhom għas-sehem u l-interess min-naħa tagħhom favur it-tagħlim.

Riżultat tal-ħidma kollettiva tagħna flimkien, it-tagħlim, l-indukrar u l-ħarsien tal-istudenti, ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni fl-iskejjel, it-tindif, il-proġetti infrastrutturali, it-tifsil u t-tiġdid tal-policies, u l-ħidma kollha rikurrenti fis-settur issoktaw bl-aħjar mod possibbli. Quddiem kull sfida, kull darba li ġejna flimkien u fittixna l-aħjar soluzzjonijiet fiċ-ċirkostanzi, irnexxielna nsibuhom u t-tagħlim issokta. Wara kull ħidma li titwettaq, speċjalment f’ċirkostanzi bħal dawn li ninsabu fihom, ikun hemm ħafna ppjanar, tħejjijiet u impenn. Dan kollu għandna mhux biss nirrikonoxxuh iżda wkoll napprezzawh u nibżgħu għalih biex fl-għaqda tissokta l-ħidma favur it-tagħlim, il-professjoni tat-tagħlim u s-servizzi differenti li huma offruti lill-istudenti tul il-vjaġġ edukattiv tagħhom.

Awguri għal dawn il-jiem ta’ mistriħ b’ħarsien responsabbli tal-miżuri preventivi waqt il-waqfien ta’ żmien l-Għid il-Kbir.