Stephen Lughermo huwa wieħed minn grupp ta’ kittieba żgħażagħ kontemporanji li qed jikkontribwixxu għall-iżvilupp b’saħħtu ta’ letteratura għaż-żgħażagħ f’Malta, letteratura li hi friska għax tinqata’ mit-temi tas-soltu li wieħed jassoċja mal-letteratura adolexxenzjali u ma tiddejjaqx tieħu passi oltre. Lughermo riċentement ġie deskritt mir-reċensur Mark Vella bħala dak l-awtur li “qed jikkarga bil-mod il-mod għal prodott b’saħħtu” b’kitba deliberatament għaż-żgħażagħ iżda li tkun imħażżma b’kunsiderazzjonijiet aktar adulti.
Il-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ippremja lil Lughermo bih fl-2021 jibni, u jikkunsidra, fuq in-numru ta’ premji letterarji importanti li l-awtur rebaħ sa issa, fosthom il-Konkors ta’ Kitba – Letteratura għaż-Żgħażagħ fl-2014 li rebħu bil-manuskritt ‘X’Aħna Smart!’ li mbagħad ġie ppubblikat minn Horizons, u l-Premju Terramaxka fl-2018 għall-ktieb Jarmuk (Horizons, 2018). Lughermo ppubblika wkoll għat-tfal, bil-kotba Ix-Xewqa ta’ Luke (Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Foster Care, 2018) miktub ma’ Diane Farrugia, u Toni tat-Tritoni (Horizons/Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, 2019).
Fl-2018 kien il-mistieden speċjali waqt Palk Ħieles organizzat minn Inizjamed bħala parti mill-programm ta’ attivitajiet ta’ Mahalla Festival, li laqqa’ flimkien artisti lokali u internazzjonali li kkontribwixxew fid-diskors dwar il-migrazzjoni. Lughermo dakinhar qara minn Jarmuk, ir-rumanz li jilgħab bil-kelma tal-post Yarmouk minn fejn il-karattru Marwan jaħrab lejn Malta u fejn l-istorja tiegħu titqiegħed ħdejn l-istorja ta’ Chanelle, żagħżugħa li f’familtha tħoss il-ktajjen li trid teħles minnhom.
Fl-2021 ippubblika dak li l-awtur innifsu jsejjaħlu l-ewwel xogħol għal udjenza adulta, jiġifieri l-ġabra ta’ novelli Ċelel bla Ħitan, deskritta mir-reċensur u awtur Omar Seguna bħala l-kulminazzjoni sa issa ta’ dak li l-awtur ġarrab bil-kotba ta’ qabel. Il-kontribut akkademiku ta’ Lughermo għandu x’jaqsam mal-letteratura Maltija. Fit-teżina tal-Baċellerat tkellem dwar ‘L-Iżvilupp tat-Traduzzjoni fin-Narrattiva Maltija: mill-Addattament għall-Fedeltà’, u għall-Maġisteru ppreżenta t-teżi ‘Il-karattru tal-qassis fin-narrattiva Maltija’.
L-għalliem li ma jiktibx letteratura li tgħallem
Stephen Lughermo twieled u trabba Ħal-Tarxien. L-ewwel snin tal-iskola għaddiehom fil-primarja ta’ Ħal-Tarxien, fejn minn hemm għadda għas-Seminarju tal-Arċisqof fir-Rabat fis-sekondarja. Lughermo kiseb il-Baċellerat tal-Arti bl-Unuri fl-2004, u sena wara ggradwa bħala għalliem. Kiseb Maġisteru fil-Malti fl-2018 mill-Università ta’ Malta. Matul iż-żmien ħadem ukoll bħala traduttur.
Ilu jgħallem il-Malti fl-iskejjel sekondarji mill-2005, u l-ħajja ta’ għalliem fetħitlu tieqa fuq il-ħajja tal-istudenti, speċifikament iż-żgħażagħ ta’ bejn il-11 u l-15-il sena. Madankollu, kif stqarr f’intervista li saritlu minn Patrick Sammut, Lughermo ma jiktibx biex jgħallem u jaqbad triq differenti mid-didattiċiżmu, “Il-kitba għandha tkun gost. It-tagħlim (jew ‘l-messaġġ’) għandu jkun biss konsegwenza.” Il-kuntatt mal-istudenti bdieh fil-kitba għall-adolexxenti bil-Malti. F’intervista li kienet saritlu minn Simone Inguanez, Lughermo jinnota li bosta studenti tiegħu li kienu jħobbu jaqraw kienu jesprimu d-dispjaċir li ma jsibux kotba bil-Malti għalihom.
L-ispirazzjoni tiegħu hija n-nies, u Seguna jattribwixxilu l-kwalità li, skontu, tiddistingwih, jiġifieri l-osservazzjoni attenta u t-tifsir tagħha b’pinna b’saħħitha. Vella wkoll jikkummenta dwar il-ħila tal-osservazzjoni: “[…] għandu s-saħħa tal-empatija, tassew b’attenzjoni għat-tbatijiet li jirnexxilu anki jinkwadrahom bla ebda sforz fl-attwalità tal-kuntest soċjali tagħhom.” Bi ħsieb li jidwi dak li qal il-kittieb veteran Trevor Żahra dwar l-ispirazzjoni u l-kitba, Lughermo jitkellem dwar il-proċess tal-kitba tiegħu li hu strutturat ħafna, u filwaqt li jkun hemm mumenti tal-bidu meta jkun ispirat, dawn huma qosra u jsegwihom ħafna xogħol. Jemmen ukoll li l-kittieb impenjat għandu d-dmir li jippreżenta l-weġgħat tan-nies li jsofru fis-silenzju.
Ċelel bla Ħitan u r-rumanz li jmiss
L-aktar xogħol riċenti ta’ Lughermo, Ċelel bla Ħitan, huwa ġabra ta’ novelli li jittrattaw il-limiti psikoloġiċi u soċjali tas-soċjetà kontemporanja, mifhumin hawnhekk bħala xkiel jew ħitan li jagħlquna u diffiċli ninfduhom għaliex inviżibbli u ma nafux minn fejn naqbdu nibdew. L-ambjent magħżul huwa dejjem ta’ xi post ċkejken u soffokanti li fih il-protagonist iwaħħad l-esperjenza tal-għeluq mentali ma’ dak fiżiku, fejn il-ħarba mill-għeluq tal-post mhux neċessarjament tfisser ħelsien mill-morsa psikoloġika. F’dar-rigward jimxi wkoll mal-vena maqbuda minn kittieba ta’ qablu, fosthom Frans Sammut bir-rumanz Il-Gaġġa, li Luggermo jgħid li hu xogħol miġbud lejh. Huwa u jirrifletti dwar ir-rassenjazzjoni li tinħass fil-karattri f’dil-ġabra, Vella jqabbel lil Lughermo ma’ Immanuel Mifsud tal-bidu, “b’estetika aktar leġġera u inqas mudlama, iżda xorta waħda spiss mgħarrqa fir-rassenjazzjoni.”
Seguna jagħżel dis-silta min-novella ‘Chilometro Cinquantasette’, li skontu turi l-ħila ta’ Lughermo f’dan-novelli li jġiegħel lill-qarrej iħoss l-għeluq madwaru, il-ħitan klawstrofobiċi:
“Inżilt mit-trakk, nitmattar fl-arja nġazzata ta’ filgħodu u nofroq iċ-ċpar bħal f’xi logħba ta’ tfuliti. Imxejt lejn id-dawl jinfed minn qalb it-tajjar, bit-tvenvin tal-karozzi fl-isfond, bħal fantażmi jlebbtu wara purtiera bajda. Il-ġogi kienu għadhom iebsa imma xi ħaġa kienet qed timbutthom lejn id-dawl tal-ħanut. Kif irfist l-għatba tajt daqqa t’għajn lejn il-bank tal-kaxxiera. Għall-erwieħ! Malli rajtha l-kesħa donnha ħarġet minn ġismi” (pp. 7-8).
Bħalissa Stephen Lughermo qed jaħdem fuq rumanz ġdid għall-adulti li jdur madwar “it-tema nazzjonali tal-ambjent”.
Biblijografija
X’Aħna Smart, Horizons, Malta, 2015
Jarmuk, Horizons, Malta, 2017
Ix-Xewqa ta’ Luke, Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Foster Care 2018
Toni tat-Tritoni, Horizons/Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, 2019
Ċelel bla Ħitan, Horizons, 2021
Referenzi
Vella, Mark. ‘Il-Pass li Jmiss’, ILLUM, 2021. <https://www.illum.com.mt/kultura/divertiment/64310/kotba__ilpass_li_jmiss#.YeaX9FjMI-Q>
Sammut, Patrick. ‘L-Intervista’, Il-Pont, pp. 11-13, 2021. <https://issuu.com/patrickj.sammut/docs/lulju_2021>
Inguanez, Simone. ‘Tnedija ta’ ‘Ċelel Bla Ħitan’ ta’ Stephen Lughermo’, intervista, 2021. <https://ktieb.org.mt/mt/festival/tnedija-ta-ktieb-celel-bla-hitan-horizons/>
Seguna, Omar. ‘Ċelel bla Ħitan novelli ta’ Stephen Lughermo’, It-Torċa, 2021. <https://omarseguna.com/category/pagna-letterarja-it-torca-2000/page/2/>