EducationMinistry for Education and SportNational Literacy Agency

Jum Internazzjonali tal-Edukazzjoni – ‘Nibdlu r-Rotta, Nittrasformaw l-Edukazzjoni’

It-tema li għażlet il-Ġnus Magħquda din is-sena, 2022, għall-Jum Internazzjonali tal-Edukazzjoni hija ‘Nibdlu r-Rotta, Nittrasformaw l-Edukazzjoni’. Intgħażlet din it-tema biex tissaħħaħ u tieħu spinta l-edukazzjoni wara l-isfidi li għadda minnhom dan is-settur minn mindu faqqgħet il-pandemija li wasslu biex l-attivitajiet kollha, inkluż dawk edukattivi, jieħdu xeħta oħra.

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Edukazzjoni, il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima għamel żjara fl-Iskola Primarja Ġużè Pace fil-Ħamrun, sabiex isegwi mill-qrib l-andament tal-proġett EduAI.  L-għan ewlieni tal-proġett EduAI huwa li joħloq u jxerred l-intelliġenza artifiċjali (IA) permezz ta’ proġetti edukattivi fost it-tfal ta’ bejn 8 u 10 snin. Il-proġett qiegħed juri bil-provi li l-IA fl-edukazzjoni tista’ titħaddem u minnha jistgħu jibbenifikaw l-edukaturi, it-tfal u l-ġenituri tagħhom.

Dan il-proġett qed iwassal għal għarfien aħjar tas-sehem tal-IA fl-edukazzjoni. Fil-proġett it-tagħlim tal-ħiliet bażiċi u l-litteriżmu jitlaqqgħu mal-ħiliet innovattivi li jintużaw fl-IA u fit-tagħlim tal-magni (Machine Learning). Fil-programm ‘Gost il-Qari/The Pleasure of Reading’ tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, l-edukaturi u t-tfal qed jużaw pupazzi mgħammra bl-IA biex jagħtu l-ħajja lil stejjer li jkunu qraw flimkien mal-għalliema fil-klassi. Permezz tat-tagħlim li jieħdu l-magni, u l-apps li jaqraw it-testi u jirrikonoxxu t-taħdit, il-parteċipanti tal-proġett qegħdin jieħdu sehem f’attivitajiet u logħob bil-lingwa u tal-litteriżmu.

‘Gost il-Qari/The Pleasure of Reading’ huwa programm ta’ qari għall-gost tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu fi ħdan il-Ministeru. L-għan tiegħu huwa li jkattar in-namra għall-kotba u l-qari li jagħti gost. Jieħdu sehem fih tfal ta’ bejn seba’ snin u ħdax-il sena li jkunu fl-aħħar erba’ snin tal-primarja. Fis-sessjonijiet jinqraw stejjer b’mod interattiv u divertenti li jħajjar lit-tfal jimmaġinaw u jxettel il-ħiliet kritiċi tagħhom. Fl-2021 ħadu sehem f’dan il-programm mal-2,500 tifel u tifla.

Fil-proġett EduAI pparteċipaw 36 student u 15-il edukatur, u saru wkoll 10 sessjonijiet ta’ taħriġ. Dan il-proġett qed isir bi sħab bejn iċ-Ċentru tal-Litteriżmu tal-Università ta’ Malta u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, u huwa ffinanzjat mill-Awtorità Maltija tal-Innovazzjoni Diġitali.

Link għall-filmati:

https://we.tl/t-nzv3m7sVTh

https://we.tl/t-uaLSjwbbjl