EducationIdeasMEYR

MOU li se jipprovdi kollaborazzjoni f’diversi oqsma bejn Heritage Malta u l-Iskola tal-Arti

Heritage Malta u l-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni ffirmaw Memorandum Of Understanding li jipprovdi għal kollaborazzjoni f’diversi oqsma bejn l-aġenzija nazzjonali għall-ħarsien tal-wirt kulturali u l-Iskola tal-Arti ta’ Malta.

L-MOU, li jkopri perjodu ta’ ħames snin, ġie ffirmat minn Noel Zammit, Kap Eżekuttiv, f’isem Heritage Malta, u minn Matthew Vella, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru
għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni.  Mario Cutajar, iċ-Chairman ta’ Heritage Malta, qal li l-Iskola tal-Arti u l-kollezzjoni nazzjonali tal-arti fi ħdan Heritage Malta għandhom l-istess għeruq u l-għanijiet huma qrib ta’ xulxin. Semma li dan l-MOU huwa pass loġiku għaż-żewġ entitajiet. Bih se tistagħna l-kollezzjoni nazzjonali u se jinħolqu opportunitajiet għall-istudenti tal-Iskola tal-Arti. L-MOU, sostna s-Sur Cutajar, għandu jixpruna aktar ħidma mill-qrib bejn il-qasam edukattiv usa’ u Heritage Malta.

Matthew Vella, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazjoni, saħaq fuq il-benefiċċji ta’ din il-kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta, partikolarment fir-riċerka, l-esebizzjonijiet, il-produzzjoni ta’ pubblikazzjonijiet monografiċi u katalogi ta’ xogħlijiet u artefatti. Huwa enfasizza l-vantaġġi għall-istudenti u l-edukaturi li joħorġu permezz ta’ dan il-ftehim, kif ukoll l-investiment li kemm l-Iskola tal-Arti kif ukoll il-Ministeru għamlu sabiex dawn il-kollezzjonijiet ikunu rikonoxxuti bħala wirt nazzjonali.

Il-ftehim jipprovdi, fost oħrajn, għal riċerka konġunta dwar il-formazzjoni ta’ artisti lix-xogħlijiet tagħhom huma parti mill-kollezzjoni nazzjonali u li taw bidu għall-karriera artistika tagħhom billi studjaw fl-Iskola tal-Arti. Din ir-riċerka se twitti t-triq għal wirjiet, pubblikazzjonijiet monografiċi, katalgi u proġetti oħra li jaqblu fuqhom iż-żewġ partijiet.  Hemm ukoll il-ħsieb li b’mod konġunt isiru lectures, workshops dwar l-arti, sessjonijiet ta’ taħriġ, taħditiet, avvenimenti u attivitajiet jew proġetti oħra.

Barra minn hekk, l-istudenti u l-membri tal-istaff tal-Iskola tal-Arti se jkollhom aċċess għall-kollezzjoni ta’ riserva u l-arkivju ta’ MUŻA għall-finijiet ta’ riċerka u tħejjija ta’ lectures. Min-naħa tagħha, l-iskola se tagħti aċċess għall-kollezzjoni u l-arkivju tagħha lill-istaff ta’ MUŻA.  Qed isir inventarju tal-oġġetti kollha fil-kollezzjoni tal-Iskola tal-Arti, u Heritage Malta
se tikkollabora mal-iskola biex dawn ikunu inklużi formalment fil-kollezzjoni nazzjonali taħt il-ħarsien tal-Aġenzija. L-iskola se tikkollabora ma’ Heritage Malta biex torganizza wirjiet temporanji f’MUŻA, għal perjodu massimu ta’ sitt xhur għal kull artefatt.

Il-kollaborazzjoni tinkludi wkoll aċċess bla ħlas għall-istudenti, l-għalliema u l-istaff tat-Taqsima tal-Arti Viżiva fil-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli, meta dawn iżuru siti, mużewijiet, wirjiet temporanji u lectures jew attivitajiet simili organizzati minn Heritage Malta. Heritage Malta se tipprovdi wkoll lezzjonijiet tal-arti b’xejn fil-kulleġġ, wara l-ħinijiet tal-ftuħ ta’ MUŻA, sa massimu ta’ ħames sessjonijiet fis-sena.