EducationMEYRSchool Initiative

Villaġġ Tal-Milied fl-iskola Sekondarja taż-Żejtun

L-iskola Medja u Sekondarja taż-Żejtun fi ħdan il-Kulleġġ San Tumas More din is-sena se torganizza Villaġġ tal-Milied bit-tema ‘Qalb il-Milied’ b’risq id-Dar tal-Providenza. Bħalissa l-preparamenti għal din l-attivita’ għaddejin ġmielhom biex il-ġonna tal-iskola, għal tlett ijiem jinbidlu f’atmosfera li tfakkarna f’dik il-lejla ta’ aktar minn elfejn sena ilu u li ta’ kull sena niċċelebraw b’tant ħrara. Bħalissa fl-iskola, kemm l-għalliema kif ukoll l-istudenti qegħdin jaħdmu flimkien ħalli fl-ewwel ta’ Jannar joffru somma mill-isbaħ lil Fr Martin u lir-residenti tad-Dar. Fil-fatt l-istudenti qed jippreparaw ħafna oġġetti magħmula bl-idejn fosthom kartolini u dekorazzjonijiet, filwaqt li għalliema oħra qed jippreparaw il-menu, li f’lejla xitwija ta’ Diċembru żgur li jinżel għasel. F’dan il-villaġġ wieħed se jsib varjeta’ ta’ affarijiet li jfakkruna fiż-żmien sabiħ tal-Milied fosthom bejgħ ta’ oġġetti ta’ dekorazzjoni oriġinali, workshops għat-tfal, ritratti ma’ Santa Klaws,  ikel tipiku tal-Milied minn pajjiżi differenti kif ukoll ma jistax jonqos, presepju ħaj li jfakkarna fis-sinifikat veru tal-Milied. Tkellimna mas-Sur Adrian Galea, Kap tal-iskola li spjegalna kif wara sentejn ta’ pandemija, l-iskola ħasset li mhux biss terġa’ tqajjem l-ispirtu tal-Milied fl-iskola, iżda ukoll l-iskola trid li tagħti rigal lill-komunita’ taż-Żejtun billi toħloq din l-atmosfera maġika.

Dan il-villaġġ se jittella’ fil-ġonna tal-iskola stess u se jkun miftuħ bejn l-14 u s-16 ta’ Diċembru. Fl-14, 15 u 16 ta’ Diċembru l-villaġġ se jkun miftuħ filgħodu u se jkunu jistgħu jżuruh tfal minn skejjel oħra. Fis-16 ta’ Diċembru ukoll, apparti filgħodu, il-villaġġ se jkun miftuħ bejn il-5.30pm u l-10.30pm, u kulħadd huwa mistieden jattendi għal din l-esperjenza maġika li l-Milied kapaċi joffri. Se jkun hemm programm varjat fosthom spettaklu ta’ kant mill-kor u l-banda tal-iskola, ikel tipiku tal-Milied kif ukoll daqq ta’ innijiet tal-Milied miż-żewġ baned taż-Żejtun flimkien, il-Banda Beland u ż-Żejtun Band. Se jagħtu s-sehem tagħhom ukoll bosta kantanti popolari li kienu ukoll studenti f’din l-iskola.  Għalhekk nistednukom taslu saż-Żejtun, eżattament fi Triq Luqa Briffa, ftit metri bogħod mill-kappella ta’ San Girgor u filwaqt li tieħdu gost b’dak kollu li se joffri dan il-villaġġ, tkunu qed tgħinu lid-Dar tal-Providenza li tant tagħmel ġid.

Għal aktar informazzjoni żuru s-sit https://zejtunmiddlesecondaryschool.com/christmas-village-2022-in-aid-of-id-dar-tal-providenza/