Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, bis-sehem tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu bħalissa għaddej bl-inizjattiva “Il-Kotba Ħbieb tat-Tfal.” Din l-inizjattiva kienet imwiegħda fil-Manifest Elettorali Malta Flimkien, bil-għan li jintbagħat messaġġ ieħor b’saħħtu favur il-qari.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, li tnediet fl-iskola primarja ta’ Tas-Sliema, Kulleġġ Santa Klara, qed tkompli titrawwem l-imħabba lejn il-kotba fit-tfal minn ċkunithom. Għal dan il-għan qed jitqassmu sett kotba kull sena lit-tfal kollha tal-livell primarju, biex dawn jibnu librerija ċkejkna f’darhom.
Waqt it-tnedija tal-inizjattiva, il-Ministru Clifton Grima enfasizza l-messaġġ dwar l-importanza tal-qari. “Hija l-missjoni ewlenija tagħna bħala Gvern li naraw li kull forma ta’ edukazzjoni tasal għand kulħadd. Parti integrali mill-edukazzjoni huwa l-qari, li mhux biss ikabbar l-għarfien, imma jiftaħ orizzonti ġodda lil kull student u studenta”, qal il-Ministru Grima.
Fit-tnedija saret preżentazzjoni tal-kotba tal-qari li ntgħażlu b’reqqa biex jitqassmu lit-tfal bil-għan li tkompli titrawwem l-imħabba għal-letteratura. L-għotja ta’ żewġ kotba bil-Malti u tnejn bl-Ingliż qed issir biex it-tfal ikunu mħeġġa jarmaw il-librerija personali tagħhom. B’kollox huwa maħsub li matul din is-sena skolastika se jingħataw 55,364 ktieb bil-Malti u bl-Ingliż lil 13,841 student u studenta mill-ewwel sat-tielet sena tal-iskola primarja.