Nhar il-Ġimgħa, l-1 ta’ Marzu 2024, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu organizzat Xalata ta’ Kitba għall-Brillantini tal-Kitba tal-iskejjel primarji tal-istat f’Ruma. Il-Brillantini tal-Kitba huma studenti tas-sitt sena tal-primarja (Year 6) li jibbrillaw fil-kitba. Kull skola primarja tal-istat għażlet tifel jew tifla biex tipparteċipa f’din l-attività kulturali u edukattiva.
L-għażla tal-istudenti saret skont il-marka/grad li ġabu fil-komponent tal-kitba kreattiva fl-eżamijiet jew assessjar annwali tal-Malti u l-Ingliż tal-ħames sena (Year 5) tas-sena skolastika li għaddiet (2022-2023).
Fil-mawra tagħhom fil-belt kapitali tal-Italja, l-istudenti ttieħdu jżuru u jiktbu dwari l-Bażilika ta’ San Pietru fil-Belt tal-Vatikan, Terrazza di Pincio, Piazza del Popolo, Palazzo Chigi, Palazzo Montecitorio, Piazza Venezia, il-Monument ta’ Vittorio Emmanuele II, Fontana di Trevi, Piazza di Spagna u l-Kolissew.
L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu tixtieq tirringrazzja lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, is-Sur Matthew Vella, lill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Vatikan, is-Sur Frank Zammit, u l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Italja, il-Brigadier Carmel Vassallo, tas-sehem tagħhom biex din l-Aġenzija setgħet torganizza din l-attività. Inroddu ħajr ukoll lill-impjegati tal-Aġenzija, l-uffiċjali edukattivi, il-kapijiet tad-dipartiment u l-għalliema li mexxew u ħadu ħsieb it-tfal tul iż-żjara.