Nhar l-Erbgħa 10 ta’ April 2024, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu flimkien mal-Malta Trust Foundation nedew is-seba’ edizzjoni tal-Qaritona Nazzjonali. Il-Qaritona qiegħda ssir bil-għan li nkomplu nrawmu iktar imħabba għall-qari fost it-tfal u nkattru fihom l-għarfien dwar il-ħarsien tal-ambjent. Waqt it-tnedija, li saret fl-iskola primarja ta’ Pembroke tal-Kulleġġ Santa Klara, tnieda l-ktieb Ħerba f’Art il-Ħrejjef ta’ Benjamin Portelli u tradott minn Martina Oliva, li jittratta temi ambjentali permezz ta’ temi u karattri meħuda mid-dinja tal-ħrejjef. Dan il-ktieb se jkun qed jitqassam lit-tfal kollha tat-tielet sena tal-primarja.

Din is-sena qegħdin inħeġġu lill-iskejjel primarji jorganizzaw ċelebrazzjoni ta’ qari jisimha ‘Erħi Kollox u Aqra!’(Drop Everything and Read!) waqt it-tielet term tas-sena skolastika. Fil-ġurnata tal-attività, magħżula mill-iskola, l-istudenti jintalbu jġibu magħhom il-ktieb favorit tagħhom jew dak li jkunu qegħdin jaqraw. L-iskola tista’ tħeġġeġ lill-istudenti jilbsu ta’ karattru għal qalbhom minn storja jew ktieb, u kull klassi torganizza attivitajiet marbuta mal-qari.

Meta jkun possibbli, l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca, flimkien mal-Ambaxxaturi tal-Qari se jipparteċipaw fl-attivitajiet billi jżuru l-klassijiet, jaqraw lit-tfal u jaqsmu l-istejjer tagħhom. Dawk l-iskejjel li jixtiequ jipparteċipaw huma mitluba jimlew l-applikazzjoni online skont kif mitlub.

Iktar dettalji fuq kif li-iskejjel jistgħu japplikaw għall-Qaritona qegħdin fiċ-Ċirkolari NLA 7 li ħarġet l-Aġenzija.

Din l-inizjattiva hi organizzata bis-sehem ta’ Malta Public Transport. Għal iktar tagħrif, jekk jogħġbok ċempel 2598 3324 jew żur il-paġna ta’ Facebook L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.