Nhar it-Tlieta, 23 ta’ April, ittellgħet konferenza Nazzjonali ġewwa Villa Bighi fil-Kalkara fuq talba tas-Segretarju Permanenti, is-Sur Matthew Vella biex niċċellebraw is-sapport li qiegħed jingħata fl-iskejjel kollha lil studenti bid-dislessija. Id-Direttur Ebejer li għandha bħala parti mir-responsabilta’ tagħha, is-servizz offrut mill-SpLD Unit, fetħet din il-konferenza billi elenkat il-kuntest storiku tas-servizz mogħti s’issa u xi pjanijiet hemm għal futur biex ikompli jittejjeb l-istess servizz. Dan id-diskors kien segwiet minn ieħor mogħti mis-Segretarju Permanenti, li qasam mal-udjenza l-viżjoni tal-Istrateġija Nazzjonali u kif din se tixpruna s-servizzi kollha li jingħataw fl-iskejjel, mhux l-inqas dak li jingħata mit-tim tal-SpLD.
Jippresidu din il-konferenza kien hemm Dr Monika Lodej li qassmet magħna x’diffikultajiet jiltaqgħu magħhom studenti b’dislessija meta jridu jitgħallmu iktar minn lingwa waħda u meta lingwa minnhom ma tkunx il-lingwa li jużawha biex jikkomunikaw il-ħin kollu. Kien hemm ukoll Dr Edward Mazzacano D’Amato, li ta preżentazzjoni bi statistika li nġabbret mill-Universita’ ta’ Malta ta’ kif imorru studenti li għandhom access arrangements meta joqogħdu għall-eżamijiet taċ-CES u qasam mal-udjenza riċerki oħrajn li se nkunu qed naħdmu fuqhom.
Il-konferenza tat spazju għal tliet panels differenti u li tnejn minnhom kienu jikkonsistu minn rapprezentanti fit-tmexxija tal-iskejjel mit-tliet setturi biex tinħoloq riflessjoni u diskussjoni mal-200 parteċipant li attendew fuq sfidi imma wkoll prattiċi tajbin fl-iskejjel tagħhom li ċertament qed iwasslu għal iktar benesseri, iktar inklużżjoni u iktar ekwita’ favur l-istudenti bid-dislessija.
Din il-konferenza kienet okkazzjoni biex nirringrazzjaw lil Dr Christine Firman tal-viżjoni tagħha wieħed u tletin sena ilu meta nbeda l-vjaġġ biex is-servizz tal-SpLD sitt snin wara jkun rikonoxxut uffiċċjalment mill-Ministeru. Din il-konferenza kienet ukoll opportunita’ lill- ħames skejjel li ħadmu qatigħ lejn Dyslexia Friendly Initiative biex jgħinu lil tfal b’diffikultajiet speċifiċ fit-tagħlim u l-assessjar u nirringrazzjawhom tas-suċċess tagħħom biex kisbu l-Full Award jew il-Foundation Level Certificate. Għal darb’oħra nifirħulhom talli qegħdin jibqgħu impenjati biex l-iskola tagħhom tkun inklussiva kemm jista’ jkun.
Din il-konferenza kienet suċċess grazzi għall-impenn tat-tliet Kapijiet tad-Dipartiment fi ħdan l-SpLD Unit: is-Sa Karen Grech, is-Sa Christine Xuereb u s-Sur Maurizio Salerno, grazzi wkoll għall-kordinament tas-Sa Carmen Bugeja u t-tim organizzżttiv mill-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, b’mod speċjali s-Sa Christine Catania Bonello li ħaddmu mal-istaff ta’ Villa Bighi, biex kollox mar sew.