EducationNational Literacy Agency

Il-Vatikan u Ruma jilqgħu lill-Brillantini tal-Kitba

Nhar il-Ġimgħa, 14 ta’ Marzu 2025, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu, bis-sehem tal-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, organizzat Xalata ta’ Kitba għal 63 Brillantin/a tal-Kitba mill-iskejjel primarji tal-istat fil-belt tal-Vatikan u Ruma. Fil-mawra tagħhom fil-belt kapitali tal-Italja u l-Vatikan, l-istudenti ttieħdu jaraw il-Bażilika ta’ San Pietru fil-Belt tal-Vatikan, Piazza del Popolo, Terrazza di Pincio, Via del Corso, Colonna di Marco Aurelio, Palazzo Chigi, Palazzo Montecitorio, Piazza della Rotunda, Pantheon, Piazza Sant’ Ignazio, Fontana di Trevi, Piazza di Spagna, il-Foro Romano, il-Kolossew, il-Palatino, Circo Massimo u Terme di Caracalla.

Fost attivitajiet oħra, il-brillantini fasslu abbozz ta’ kartolina fuq il-karti mogħtija, xtraw kartolina u bolla mill-gabbana ta’ Pjazza San Pietru, kitbu fuqha messaġġ lil qrabathom u bagħtuhielhom bil-posta.

L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu tixtieq tirringrazzja lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, is-Sur Matthew Vella, lill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Vatikan, is-Sur Frank Zammit u l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Italja, is-Sur Daniel Azzopardi tas-sehem tagħhom fit-tfassil u t-twettiq ta’ din l-attività.