Bejn Ottubru u Diċembru 2025, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu organizzat il-klabb tad-drama u l-irrakkontar tal-istejjer ‘Nirreċtaw Ħrejjifna’ wara l-ħin tal-iskola għal tfal tal-ħames u tas-sitt sena tal-primarja. L-għan tal-klabb hu li nħeġġu lit-tfal parteċipanti jiżviluppaw il-ħiliet tad-drama u tal-lingwa, u jesprimu l-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tagħhom permezz ta’ logħob ibbażat fuq il-ħrejjef.
Waqt is-sessjonijiet jiġu żviluppati diversi ħiliet tal-lingwa, fosthom it-taħdit u s-smigħ, kif tibni storja, u kif tesprimi ruħek b’mod ċar. It-tfal jiġu mħeġġa jużaw intonazzjoni xierqa, movimenti, u espressjonijiet sabiex iwasslu emozzjonijiet differenti, kif ukoll jitgħallmu jaħdmu b’mod kollaborattiv ma’ sħabhom. It-tagħlim ikun multisensorjali u tingħata importanza lill-użu tal-vuċi, il-moviment, il-mużika, u stimoli viżivi, biex nilħqu l-istudenti li jitgħallmu b’modi differenti. Dawn l-attivitajiet jgħinu wkoll biex tissaħħaħ l-immaġinazzjoni, il-kreattività, il-kunfidenza, l-empatija u l-komunikazzjoni.
F’dan iċ-ċiklu kien hemm żewġ gruppi u s-sessjonijiet kienu mifruxa fuq għaxar ġimgħat. Is-sessjonijiet tal-grupp tat-Tnejn saru bil-Malti filwaqt li s-sessjonijiet tal-grupp tal-Ħamis saru bl-Ingliż. L-Aġenzija se tkun qiegħda toffri dan il-klabb bejn Frar u Mejju 2026. Min ikun irid aktar tagħrif hu mħeġġeġ iżur is-sit elettroniku tal-Aġenzija https://nla.gov.mt jew jibgħat ittra elettronika fuq [email protected] jew iċempel 2598 3324.





