Uncategorized

Logħob li jgħaqqadna: Id-Diska Uffiċjali tal-Malta School Games

Il-kanzunetta “Logħob li Jgħaqqadna” hija d-diska uffiċjali tal-Malta School Games, inizjattiva nazzjonali li tgħaqqad eluf ta’ studenti minn skejjel madwar Malta u Għawdex permezz tal-isport u l-valuri tiegħu.

Miktuba minn Augusto Cardinale, b’mużika ta’ Philip Vella u interpretata mill-kantant Malti Glen Vella, din id-diska tirrifletti l-ispirtu ta’ għaqda, ħbiberija u teamwork li jinsab fil-qalba tal-logħob. Il-kliem u l-melodija tagħha jenfasizzaw kif l-isport mhux biss kompetizzjoni, iżda wkoll mezz biex jinbnew relazzjonijiet, karattru u rispett bejn iż-żgħażagħ, filwaqt li jippromwovi stil ta’ ħajja attiva u valuri pożittivi.

Hekk kif qed noqorbu lejn il-bidu ta’ dawn il-logħob, l-eċitament qed jiżdied, bil-ftuħ uffiċjali ppjanat għall-5 ta’ Mejju. F’din l-edizzjoni, madwar 800 student se jipparteċipaw biex jikkompetu għal midalji f’14-il dixxiplina sportiva differenti. Il-kompetizzjonijiet se jsiru fil-kumplessi sportivi ewlenin ta’ Malta, fejn iż-żgħażagħ se jkollhom l-opportunità juru t-talenti tagħhom, jgħixu l-valuri tal-isport u jkomplu jsaħħu l-għaqda li din l-inizjattiva tirrappreżenta.

Inħeġġu lill-istudenti u lill-għalliema tagħhom sabiex iħaddnu din id-diska u juru kull appoġġ lejn it-timijiet tal-iskejjel li qed jipparteċipaw, biex flimkien noħolqu atmosfera ta’ entużjażmu, rispett u għaqda tul dawn il-logħob.

GLEN VELLA – LOGĦOB LI JGĦAQQADNA (MALTA SCHOOL GAMES ANTHEM SONG 2026)

 

 

 

Logħob li jgħaqqadna

 

L-ewwel pass dejjem diffiċli

Forsi qalbek taqta’ ftit

Bit-taħriġ u l-kelma t-tajba

Kunfidenza, fik iżżid

Għax bl-isports, bħal ħajja tagħna

Ngħixu sfidi ta’ kuljum

Daqqa tħossok todgħos l-isfel

Daqqa b’qilla daqs ta’ ljun

 

RIT.     U mal-għajta tas-suffara

Tibda l-ġirja għas-suċċess

Ejj’ ingħaqad mat-tim tagħna

Lkoll flimkien, aħna l-istess

Ngħollu ‘l fuq dik il-bandiera

U b’din l-arma ‘ħna kburin

Festa kbira tat-tfulija

Ferħanin li tfal Maltin

Ole. oh oh

Ole, oh oh

 

M’hemmx fruntieri w differenzi

Hawn milqugħ, kulħadd ġenwin

Bejn il-ħbieb, qatt m’inti waħdek

Nieħdu gost b’logħbiet ħelwin

Tħossok b’saħħtek, moħħok jikber

Tfeġġ ir-responsabilta’

Agħmel l-almu kollu tiegħek

Emmen fil-kapaċita’

 

Rit.     U mal-għajta tas-suffara…

 

U bħal ritratt titnaqqax l-esperjenza

Li tibqa’ sew infakkra tul iż-żmien

U jasal il-mument li tħares lura

Tkun tista’ tgħid, li fir-ritratt hemm jien

 

Rit.     U mal-għajta tas-suffara…x2